Friday, December 27, 2024

Il-psikologi b’aktar minn 4000 intervent mal-priġunieri fl-2020

Aqra wkoll

Matul l-2020 saru aktar minn 4,000 intervent psikoloġiku u assessments mal-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

Dan qalitu l-Kamra Maltija tal-Psikologi (MCP) permezz ta’ stqarrija fejn fiha xtaqet tiċċara l-irwol u x-xogħol tal-psikologi li jaħdmu fi ħdan l-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi.

L-MCP qalet li fl-aħħar sena ġew introdotti diversi interventi u programmi strutturati offruti lill-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Fost il-programmi offruti kien hemm dawk dwar l-immaniġġjar għar-rabja, cognitive skills, kif ukoll programmi kif titnaqqas il-vjolenza. L-għan ta’ dawn il-programmi kienu kollha mmirati biex inaqqsu t-tendenza li l-persuni li jinsabu l-ħabs ma jergħux iwettqu reat.

L-MCP qalet li huwa magħruf sew li l-ħabsijiet huma ambjent artifiċjali li għandhom effetti detrimentali fuq is-saħħa mentali tal-priġunieri. Qalet li huwa għal din ir-raġuni, flimkien max-xewqa dejjem tikber tas-soċjetajiet li jippruvaw jirrijabilitaw lil dawk li jwettqu reat, li l-psikologi bdew jiġu impjegati fil-ħabs. Dan wassal ukoll għal evidenza dejjem tikber rigward l-effettività tal-interventi u għajnuna terapewtika.

Il-Kamra tal-Psikologi qalet li l-psikologi li jaħdmu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jiffurmaw parti minn tim multi-dixxiplinarju li permezz t’hekk jiġi diskuss il-pjan ta’ kura għall-priġunier. Dan it-tim multi-dixxiplinarju huwa magħmul minn psikologi, assistenti psikologi, ħaddiema soċjali, youth workers u koordinaturi fil-pjan ta’ kura. Fissret li dawn kollha jaħdmu fi ħdan il-Care and Reintegration Unit.

Il-Kamra tal-Psikologi spjegat li wara li l-pjan tal-kura jiġi żviluppat, dan jiġi diskuss mal-priġunier, li min-naħa tiegħu, huwa liberu li jew isegwi l-pjan tal-kura jew inkella jirrifjuta s-servizz.

Qalet ukoll li l-Università ta’ Malta, b’kollaborazzjoni mal-maniġment tal-ħabs, ilha tħarreġ psikologi forensiċi mill-2015.

L-MCP temmet billi ħeġġet lill-pubbliku u l-professjonisti biex ikunu kawti fl-opinjonijiet tagħhom dwar ix-xogħol ta’ professjonisti li jaħdmu f’istituzzjonijiet bħalma huma l-ħabsijiet, speċjalment meta jkunu qed jiddiskutu każijiet individwali li jqanqlu emozzjonijiet lill-persuni involuti.

Ekonomija

Sport