Sunday, May 5, 2024

Il-vittma tal-isparatura fl-Iklin jgħid li ma rax lill-persuna li sparatlu

Aqra wkoll

Il-vittma tal-isparatura fl-Iklin xehed fil-Qorti kif huwa ma kien ra lil ħadd bil-pistola u ma kienx jaf minn fejn ġiet l-isparatura. 

Vincent Xuereb magħruf bħala “Ċensu l-Oranġjo” kien qed jixhed il-kumpilazzjoni kontra Ryan Sultana ta’ 24 sena li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ Xuereb. Il-każ seħħ fid-9 ta’ Settembru fi Triq il-Wied, l-Iklin. 

Fil-Qorti ħareġ li l-akkużat u l-vittma kienu jafu lil xulxin għax Xuereb kultant kien jieħu lil Sultana biex jara l-psikjatra tiegħu. Xuereb qal li kien ħareġ mill-karozza tiegħu biex ipejjep sigarett, allegatament kellu pompa f’idu. Qal li jaf biss li xi ħadd sparalu iżda ma semax l-isparatura u lanqas jaf minn fejn ġiet.

L-Avukat George Camilleri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali staqsa lix-xhud kif ma kienx jaf minn fejn ġiet l-isparatura meta ċ-ċomb kollu laqtu f’wiċċu u fuq sidru. Xuereb iżda nsista li ma jafx. 

L-imputat ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €4,000. Huwa ġie ordnat jiffirma l-Għassa tal-Pulizija darbtejn fil-ġimgħa.

Il-każ ikompli fl-4 ta’ Novembru.

L-Avukat Arthur Azzopardi deher għal Sultana. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa wkoll mill-Ispettur Wayne Camilleri.

Sport