Elias it-tifel ta’ sentejn kien qed jilgħab mal-kuġini u tfal oħra f’għalqa

Aqra wkoll

It-tifel Elias ta’ sentejn, li lbieraħ ġie rrapportat nieqes, kien qed jilgħab ma’ tfal oħra f’għalqa, fosthom il-kuġini u qraba tiegħu, meta f’daqqa waħda ntilfet kull traċċa tiegħu.

Skont sorsi li tkellmu ma’ dan is-sit qalu li meta persuni adulti marru jiċċekkjaw lit-tfal biex jaraw li kollox kien sew, innutaw li Elias ma kienx fosthom. It-tfal li kienu qed jilagħbu miegħu qalulhom li kien daħal fit-toilet.

L-adulti mill-ewwel bdew ifittxuh, iżda minkejja t-tfittxijiet inizjali, it-tifel baqa’ ma nstabx. Kien għalhekk li ntalbet l-għajnuna minnufih, bil-post jattendu timijiet mediċi, il-Pulizija u l-Protezzjoni Ċivili.

Wara sigħat ta’ tfittxija intensiva, Elias instab ħdejn farmhouse, fejn kien qiegħed jistkenn wara waħda mill-kmamar li hemm fil-post.

It-tifel instab għall-ħabta tal-11:45pm, madwar 800 metru ’l bogħod mill-post fejn kien deher l-aħħar. Kienu membri tas-Salib l-Aħmar li rnexxielhom isibuh wara madwar ħames sigħat mitluf.

Fortunatament, Elias instab qawwi u sħiħ, għalkemm ittieħed l-isptar fejn qed jinżamm għall-osservazzjoni.

Il-Ministru Glenn Bedingfield ikkonferma l-aħbar it-tajba u esprima s-sodisfazzjon tiegħu li t-tifel instab.

“Għal grazzja t’Alla nstab qawwi u sħiħ,” qal il-Ministru, filwaqt li rringrazzja lill-uffiċjali mill-korpi kollha u lill-voluntiera li għaddew is-sigħat impenjati fit-tfittxija.

“Terqtatna qalbna sakemm smajna l-kelma. Sibnih!” temm jgħid.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport