Monday, May 20, 2024

Inawgurat Ċentru għall-Kura tad-Dimensja fl-Imtarfa

Dan huwa l-ewwel ċentru tax-xorta tiegħu f’pajjiżna u anke fl-Ewropa

Aqra wkoll

Ġie inawgurat Ċentru għall-Kura tad-Dimensja fl-Imtarfa, li huwa l-ewwel ċentru tax-xorta tiegħu f’pajjiżna u anke fl-Ewropa, hekk kif dan se jkun qiegħed jaqdi l-funzjonijiet tiegħu kemm matul il-ġurnata kif ukoll bil-lejl.

Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan iċ-ċentru, li sar b’investiment ta’ aktar minn €75,000, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia fakkar li l-ftuħ taċ-ċentru qiegħed isir proprju matul ix-xahar li huwa ddedikat għall-għarfien dwar il-kundizzjoni tad-dimensja.

Huwa qal li kemm dan iċ-ċentru, kif ukoll ieħor li se jiftaħ aktar tard matul din is-sena f’Ħal Safi, se jkunu l-ewwel day/night shelters li se jkunu kapaċi jindirizzaw il-problema ta’ diżorjentazzjoni fl-irqad li jbatu minnha ħafna anzjani bil-kundizzjoni tad-dimensja.

“Permezz tal-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru, se nkunu qed nilħqu r-rakkomandazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja 2015-2023 billi noffru ċentru ta’ serħan għall-persuni bid-dimensja fil-parti tat-tramuntana tal-gżira u nipprovdu servizz ta’ kura għal matul il-lejl”, qal il-Ministru Michael Farrugia.

Huwa żied jgħid li l-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru fisser li ntlaħqet miżura tal-baġit oħra għas-sena 2021, miżura li tappoġġja b’mod attiv persuni bid-dimensja biex jibqgħu jgħixu fil-komunitajiet tagħhom. Iċ-ċentru se jkun qed jappoġġja direttament ukoll lill-qraba tal-persuni bid-dimensja, li wkoll ikollhom bżonn serħan mill-pressjoni li tista’ toħloq din il-kundizzjoni.

Id-dar tal-anzjani fl-Imtarfa pprovdiet l-ispazju meħtieġ ġewwa u barra biex dan il-proġett isir realtà. Ix-xogħol, li beda fi Frar li għadda fuq sit li kien bla użu u mitluq, inkluda xogħlijiet strutturali estensivi fiż-żoni ta’ ġewwa kif ukoll fuq barra biex iċ-ċentru jkun adattat għall-persuni bid-dimensja.

Il-ministru spjega li ċ-ċentru ġie ppjanat u ddisinjat biex, kemm jista’ jkun, iqarreb l-ambjent ta’ dar bi kmamar bħall-kċina u kamra tas-salott bl-użu ta’ apparat u għamara apposta. Ħafna mix-xogħlijiet saru mit-tim tal-proġetti tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, filwaqt li r-ristrutturar taż-żona ta’ barra kien parzjalment sponsorjat minn kumpanija privata.

Iċ-ċentru se jipprovdi spazju għal 12-il persuna kuljum u l-applikanti jkunu jistgħu jagħżlu sa tlett ijiem fil-ġimgħa meta jkunu jistgħu jattendu matul il-ġurnata jew matul il-lejl.

Persuni mħarrġa se jkunu qed jilqgħu lill-persuni fiċ-ċentru u joffru numru ta’ attivitajiet speċifiċi. L-attivitajiet se jvarjaw minn dawk produttivi għall-użu fil-ħajja ta’ kuljum, ‘cognitive activities’ li jistimulaw il-moħħ biex ikun aktar attiv, u attivitajiet rilassanti, bħall-mużika u l-ġardinaġġ.

Is-servizzi se jingħataw lill-pubbliku mingħajr ħlas bħala inizjattiva biex jingħata iżjed appoġġ lill-qraba tal-persuni bil-kundizzjoni tad-dimensja, biex huma jkunu jistgħu jgħixu aktar komdi fil-komunitajiet tagħhom.

Aktar kmieni dan ix-xahar ġie ffirmat ukoll ftehim bejn il-Kunsill Lokali tal-Imtarfa u d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità sabiex ikun hemm aktar kollaborazzjoni għal ħolqien ta’ komunità b’aktar għarfien favur id-dimensja. Fix-xhur li ġejjin se jiġu stabbiliti wkoll numru ta’ taħdidiet mal-pubbliku għal aktar għarfien dwar il-kundizzjoni u s-servizzi disponibbli, filwaqt li se jitwaqqaf kumitat flimkien mal-kunsill lokali.

Dawk interessati jistgħu japplikaw għas-servizz billi jżuru l-websajt www.activeageing.gov.mt u jibagħtu l-applikazzjoni online, jew iċemplu liċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq in-numru tat-telefon 2278 8800 għal aktar informazzjoni.

Sport