Fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti f’pajjiżna marbuta mal-pandemija, l-Istitut Ġurnalisti Maltin jappella għar-responsabbiltà kemm minn naħa tal-ġurnalisti u l-media, kif ukoll mill- pubbliku.
Il-media għandha responsabbiltà li tara li l-informazzjoni li toħroġ tkun korretta u tagħti stampa ċara tas-sitwazzjoni reali, filwaqt li tinżamm l-etika ġurnalistika f’kull ħin. L-IĠM ifakkar mhux biss li l-ġurnalisti jsegwu b’mod rigoruż il-prattiċi bażiċi tal-ġurnaliżmu, li jinkludi konferma tas-sorsi u li s-sorsi ikunu kredibbli, imma ukoll li jiddistingwu b’mod mill-aktar ċar l-aħbar minn kumment.
Minn naħa tiegħu, l-pubbliku għandu jagħżel sew is-sors tal-informazzjoni tiegħu u jara li s- sorsi jkunu ta’ min jorbot fuqhom u mhux ifittxu biss li jagħmlu ħoss.
Fi stadju daqstant delikat, fl-interess nazzjonali, il-ġurnalisti jridu jkunu aktar stretti fl- applikazzjoni tal-prinċipji bażiċi ġurnalistiċi.