Sunday, November 3, 2024

Il-pubbliku se jkun jista’ jiċċelebra l-Karnival ta’ Malta bi programm komplut

Imħabbra t-tneħħija tar-restrizzjonijiet għall-Karnival tas-sajf

Aqra wkoll

Fl-edizzjoni tal-Karnival tas-sajf li se ssir fil-ġranet li ġejjin, il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi programm komplut mingħajr restrizzjonijiet. Dan ħabbru l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata minn Festivals Malta. 

Dan il-programm Karnivalesk li se jsir fit-toroq tal-Belt u l-Furjana, se jkun mifrux fuq tlett ijiem — mill-20 sat-22 ta’ Mejju li ġej, fejn matulhom il-pubbliku se jkun jista’ jiċċelebra l-Karnival ta’ Malta bi programm komplut. Dan wara li fi Frar li għadda sforz il-pandemija tal-Covid-19 kien hemm restrizzjonijiet li ma ppermettewx biex il-Karnival jiġi ċċelebrat bħal fis-snin l-imgħoddija.

Il-programm tal-edizzjoni ta’ Frar 2022 inkluda diversi stallazzjonijiet fit-toroq tal-Belt, esebizzjoni ta’ ritratti Karnivaleski, esebizzjoni mhux kompetittiva ta’ kostumi passati u produzzjoni teatrali live tal-Qarċilla, kollha b’kollaborazzjoni ma’ Spazzju Kreattiv. Saru wkoll produzzjonijiet teatrali ta’ żfin, projections u attivitajiet oħra għat-tfal organizzati mit-Teatru Manoel, b’kollaborazzjoni mat-TOI TOI Collective u bis-sapport ta’ Festivals Malta. 

L-Onorevoli Bonnici sostna li: “Irridu li l-Karnival ikompli jimxi ‘l quddiem … inkunu spalla ma’ spalla mad-dilettanti”. Dan hekk kif il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali spjega li se ssir ħidma u investiment sabiex l-organizzaturi tal-Karnival jingħataw apparat xieraq kif ukoll li jkun hemm titjib fil-health and safety.

Sport