Il-Pulizija qiegħda tavża bl-inizjattiva li se tkun qiegħda tuża għal dawn il-ġranet tal-Karnival u li permezz tagħha jistgħu jiġu evitati rapporti ta’ tfal mitlufin qalb il-folla.
Uffiċjali tal-Pulizija jinsabu fejn Pjazza Kastilja fejn qegħdin iwaħħlu wrist bands tal-karti li fuqhom il-ġenituri jistgħu jiktbu l-isem u kuntatt tal-mobile biex f’każijiet li xi ħadd minn wliedhom jintilef tkun aktar faċli biex jinstabu malajr mingħajr dik il-konfużjoni żejda.
Fost l-ewwel reazzjonijiet għal din l-inizjattiva, il-pubbliku faħħar ferm lill-Pulizija u qal li din hija waħda verament għaqlija intiża biex tissalvagwardja liċ-ċkejknin imma anke lill-ġenituri li f’mument bħal dak ftit li xejn ikollhom ċans jaħsbu f’soluzzjoni.
Għalkemm mhijiex obbligatorja, ta’ min ifaħħar lill-pulizija ta’ din l-inizjattiva.