Friday, November 15, 2024

Il-Pulizija b’waħda mill-akbar konfiski ta’ għasafar ħajjin protetti f’dawn l-aħħar snin

Investigazzjoni u spezzjoni li waslu għas-sejba ta’ 136 għasfar minn 18-il speċi

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Investigazzjoni mill-Kumitat Kontra l-Qtil ta’ Għasafar (CABS) waslet biex il-Pulizija tagħmel waħda mill-akbar konfiski ta’ kollezzjonijiet illegali ta’ għasafar ħajjin maqbuda f’dawn l-aħħar snin f’Malta. F’aħbar li ħarġet is-CABS stess, wieħed mit-tim ta’ dan il-Kumitat ikkonferma li għalqa ħdejn Ħal Għaxaq kienet qiegħda tintuża għall-qbid illegali ta’ ħafna għasafar protetti bil-liġi u li kienu dawn qegħdin jinżammu fuq il-proprjetà msemmija.

Din l-informazzjoni għaddiet għand it-Taqsima għall-Protezzjoni Ambjentali (EPU) li flimkien ma’ esperti fit-Taqsima għar-Regolamentazzjoni tal-Għasfar Selvaġġi (WBRU), spezzjonaw il-post. Hawnhekk ġew ikkonfiskati total ta’ 136 għasafar protetti minn 18-il speċi differenti. Waqt din l-operazzjoni nżamm raġel suspettat li fil-konfront tiegħu mistennija jittieħdu passi legali talli qabad u kellu fil-pussess tiegħu speċi ta’ annimali protetti.

Is-CABS qalet li, “sfortunatament minħabba l-kundizzjonijiet terribbli li kienu miżmuma fihom l-għasafar, tmienja minnhom mietu mentri sitta oħra kienu morda wisq biex ikunu rilaxxati tant li l-ewwel iridu jfiequ f’ċentru ta’ rijabilitazzjoni apposta”. 

Il-bqija tal-għasafar inħelsu fir-riserva naturali tal-Għadira fejn esperti mill-BirdLife Malta assistew ħalli kull għasfur ikollu mezz ta’ identifikazzjoni xjentifika li tikkonsisti f’ċurkett apposta. Min-naħa tagħha s-CABS irringrazzjat lill-Pulizija u l-WBRU tal-azzjoni immedjata li ħadu u għax-xogħol li għamlu fuq dan il-każ.

Ekonomija

Sport