Saturday, December 21, 2024

Il-Pulizija ċemplulu b’rapport li se jaħrab bit-tifel… kien diġà siefer u t-tifel kien Malta b’passaport skadut

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Missier irrakkonta fil-Qorti kif f’Ottubru ta’ din is-sena kien qiegħed Sqallija, meta ċemplitlu Spettur mill-Immigrazzjoni u ħasditu. Dan hekk kif infurmatu  li għandhom rapport li ser jaħrab bit-tifel tiegħu li hu minuri.  Kien hawn li l-missier spjega lill-istess Spettur li hu kien qiegħed Sqallija. Informaha ukoll li l-passaport tat-tifel kien filfatt skadut. Dan ma kienx biżżejjed għal dan il-missier, li sab li waqt li kien Sqallija ġie ppreżentat  mandat ta’ inibizzjoni kontrih biex hu jiġi ordnat milli jieħu lil ibnu barra mill-gżejjer Maltin.   

Il-Qorti iddikjarat li “mandat ta’ impediment ta’ partenza ta’ minuri huma proċeduri staordinarji li għandhom jintużaw biss fl-interess suprem tal-minuri biex jipproteġu lil wieħed mill-ġenituri milli jkun arbitrarjament imċaħħad minn relazzjoni ma’ uliedu u mhux biex ġenitur ikun jista’ jżomm lill-ġenitur l-ieħor ostaġġ”.

F’deċiżjoni dwar mandat ta’ inibizzjoni biex tifel ma jinħarġix minn Malta, u dan hekk kif missieru xtaq jieħdu Disneyland, il-Qorti ma laqgħetx it-talbiet tal-omm, li spjegat kif kienet qed tibża li l-missier se jaħrab bit-tifel u dan għax f’argument kien qalilha li se jaħrab bit-tifel.

Omm it-tifel xehdet li relazzjoni tagħha ma’ missier it-tifel intemmet f’Jannar tas-sena 2021, u li bħalissa qiegħda tgħix ġo fond mikri flimkien ma’ binha. Spjegat li tul dawn l-aħħar xhur, il-missier qalilha li xtaq isiefer bit-tifel u sa ftit jiem ilu qalilha biex jitkellmu ħalli jilħqu kompromess. Qalet li filfatt huma tkelmu fejn id-dar t’ommha u spjegalha li jixtieq isiefer bit-tifel. L-omm qalet li hi kienet tal-fehma li t-tifel għadu żgħir wisq biex isiefer.

L-omm iżda tagħmel ukoll aċċenn għal argument li ġara sentejn ilu, meta wara argument il-missier kien ħa lit-tifel u qalilha li ma kinitx se tarah aktar u li kien se jsiefer bih. Qalet li minħabba dan hi baqgħet tibża’.  Hi qalet ukoll li l-missier  isiefer ta’ spiss, iżda tiddikjara li ma tafx x’inhu xogħlu. Enfasizzat li filfatt peress li jkun aktar imsiefer milli Malta, talabha biex meta jkun Malta, ikun jista’ jara lit-tifel mingħajr oġġezzjoni minn naħa tagħha. Tgħid li l-missier qalilha li hu beda jgħid li ser jixtri xi post l-Italja u kien anke urihom lill-ibnu u lilha stess. 

Fir-rigward tal-passaport, l-omm sostniet li l-passaporti tagħha, u tat-tifel, kien iżommhom id-dar tiegħu f’safe, iżda l-passaport tat-tifel huwa skadut. Isostni illi l-missier qatt ma siefer bil-minuri waħdu u meta siefru kienu siefru bħala familja. Tispjega li l-missier kien talabha biex ikun jista’ jsiefer waħdu bit-tifel, u biex isiefer bil-kunsens tagħha, però hi qalet li ma tistax tafdah bit-tifel waħdu. 

Hi qalet li meta kienu għadhom flimkien huma siefru erba’ darbiet. Qalet li l-argument li għamlet aċċenn għalih, ġara f’Novembru ta’ sentejn ilu. Tikkonferma illi minn dakinhar l’hawn il-missierr dejjem talab il-permess tagħha meta xtaq isiefer bit-tifel. Kompliet tgħid li dwar din il-biża’ u dwar il-passport hi qatt ma għamlet rapport mal-Pulizija. 

Hi qalet ukoll li tul dawn l-aħħar tmien xhur, kemm ilhom mhux flimkien, it-tifel gieli raqad mal-missie u li dejjem ġie ritornat lilha skond kif kienu miftehmin. L-omm qalet ukoll li dawn l-aħħar ftit xhur, il-missier beda jagħmel komunikazzjoni biss mat-tifel, u li kien hemm insistenza mill-missier biex jagħmlulu l-passaport biex ikun jista’ jsiefer bih, iżda hi qatt ma ffirmat għat-tiġdid tal-passaport tat-tifel. 

Il-missier meta mistoqsi mill-Qorti jekk qattx kien hemm allegazzjonijiet jew rapporti mal-Pulizja dwar ħtif tat-tifel, jispjega li xi sena u nofs ilu, kellhom argument fejn id-dar t’omm martu u spiċċaw ġew il-Pulizija, u hu qabad u telaq bit-tifel, iżda huma ma qalulu xejn. Żied jgħid li dak il-ħin forsi seta’ qalilha isma ħa naħrablek bit-tifel fis-saħna tal-mument. Qal li sentejn ilu l-affarijiet tranġaw, reġgħu ħżienu, u reġgħu tranġaw. Jixhed li sa tlett xhur ilu meta kienu qegħdin jaħsbu biex iġeddu l-passaport tat-tifel, kienu sejrin Sqallija flimkien, però reġgħu nqalgħu l-argumenti. Hu qal li għax l-omm mhix tiela’ Sqallija miegħu, allura hi ma tridx lit-tifel isiefer.

Tenna li hu lest li jsiefer bil-firma tal-omm b’dana illi huwa ma jkunx jista’ jibqa’ barra l-pajjiż. Spjega li hu għandu negozju hawn Malta, familja, self, u dejn u ma jarax għalfejn għandu jaħrab. Il-missier qal li  hu jixtieq li jekk huwa tiela’ sa Sqallija lit-tifel jieħu miegħu. Qal ukoll li xtaq jieħdu Disneyland.

Mistoqsi fuq in-natura tax-xoghol tieghu, il-missier iwiegeb li huwa għandu tlett hwienet, ħanut tat-takeaway mikri u ħanut ieħor li ħadu qed jitlesta.  

Mistoqsi jekk għandux intenzjoni li jqatta’ parti minn ħajtu barra minn Malta, il-missier isostni li missieru marid u għalkemm ilhom jgħidu xi ħmistax – il sena li jixtiequ li jmorru jgħixu barra, qatt ma waslu biex ħadu dan il-pass. Qal li llum il-ġurnata hu għandu diversi rabtiet hawn Malta, u ma jistax jaqbad u jitlaq mill-lum ghall-lum. Żied jgħid li hu mhux fi ħsiebu li jieħu lit-tifel minn m’ommu. 

Il-Qorti qalet li jirrizulta illi l-partijiet kellhom relazzjoni intima li damet disa’ snin, mill-liema relazzjoni twieled il-minuri.  Qalet li hemm proċeduri ta’ medjazzjoni, liema proceduri jidhru li għadhom fi stadju bikri għall-aħħar tant li l-partijiet għadhom ma rċevewx appuntament għall-ewwel seduta. 

Il-Qorti qalet li l-proceduri tal-mandat ta’ impediment ta’ partenza ta’ minuri huma proċeduri staordinarji li għandhom jintużaw biss fl-interess suprem tal-minuri biex jipproteġu lil wieħed mill-ġenituri milli jkun arbitrarjament imċaħħad minn relazzjoni ma’ uliedu u mhux biex ġenitur ikun jista’ jżomm lill-ġenitur l-ieħor ostaġġ. Qalet li dment li m’hemm xejn li jindika li ġenitur jew ieħor huwa ‘an unfit parent’, it-tfal jeħtieġu l-preżenza taż-żewġ ġenituri u ħin adegwat mat-tnejn u dan biex ikunu jistgħu jibnu relazzjoni b’saħħitha maż-żewġ ġenituri. 

Il-Qorti qalet li ma tqisx li l-intenzjoni tal-missier kienet li jaħrab bil-minuri mill-pajjiż, tant li l-omm jidher li kienet taf bis-safra lejn Sqallija. Qalet li għajr l-argument li kien hemm bejn il-partijiet madwar sentejn ilu, jidher li l-missier dejjem talab il-permess tal-omm qabel twebbel biex isiefer lit-tifel miegħu. Il-Qorti qalet li rat ukoll kif il-passaport tat-tifel hu skadut u għalhekk jeħtieġ il-firem taż-żewġ ġenituri biex jġġedded ġaladarba l-kustodja hija waħda konġunta. 

Il-Qorti osservat wkoll li l-Italja huwa pajjiż membru kemm tal-Unjoni Ewropea u kif ukoll tal-Konvenzjoni tal-Aija dwar il-minuri, u għalhekk hu possibbli għall-omm li tintavola l-proċeduri sabiex it-tifel jkun jista’ jinġieb lura Malta.  Intqal li għalhekk fil-fehma tal-Qorti ma jirriżultax li l-omm se tbati xi preġudizzju irrimedjabbli jekk ma jinħariġx dan il-mandat.  Il-qorti ċaħdet it-talba tal-omm. 

Ekonomija

Sport