Saturday, May 4, 2024

Il-Pulizija għadha ma identifikatx il-vittma għal min kien indirizzat l-isplussiv importat minn Jomic Calleja

Aqra wkoll

Jomic Calleja baqa’ jinżamm arrestat wara li l-Pulizija għadha ma identifikatx il-vittma fil-mira tal-isplussiv impurtat.

Dan id-dettall ħareġ hekk kif quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni ta’ Calleja, ir-raġel ta’ 34 sena minn Ħaż-Żebbuġ li jinsab mixli bl-importazzjoni ta’ splussiv f’pajjiżna.

It-talba tad-Difiża saret lejn l-aħħar tal-kumpilazzjoni madankollu l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat li l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin u s’issa għadhom ma identifikawx il-vittma li għaliha kien se jkun indirizzat l-isplussiv.

Fil-Qorti ta x-xhieda tiegħu wkoll il-kuntistabbli Jerome Attard Flores mill-Uffiċċju tal-Armi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija li qal li Calleja qatt ma għamel applikazzjoni biex ikun jista’ jimporta l-isplussiv.

Xehed ukoll Dr Anthony Vella li huwa rappreżentant tal-MFSA li qal li l-MFSA ġiet informata b’sit li kien qed jagħmel trading fl-bitcoin – “Bircoin and Auto Trader” – u mill-investigazzjonijiet tagħhom irriżulta li Calleja kien il-bniedem wara dan is-sit. Dan is-sit ma kienx reġistrat mal-MFSA biex jagħmel kummer fil-bitcoin u eventwalment ingħalqet.

L-Avukat għad-Difiża Benjamin Valencia qal li Calleja kien lest jagħti l-passwords għall-apparat kollu tiegħu li ġie konfiskat, bħal mowbajl u kompjuter, madankollu l-Prosekuzzjoni qalet li dan l-apparat intbagħat barra fejn qed issir aktar investigazzjoni fuqhom. Il-Prosekuzzjoni rrimarkat ukoll li meta kienu talbu l-passwords lil Calleja, dan kien naqas milli jikkollabora magħhom.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent George Cremona u l-Ispettur Omar Zammit.

L-Avukat Benjamin Valencia deher għal Calleja.

Sport