Saturday, November 23, 2024

Il-Pulizija jarrestaw raġel Kolumbjan li allegatament aggreda tfajla f’San Ġiljan

Aqra wkoll

Matul il-ġurnata ssoktaw bla waqfien l-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta mal-feriment l seħħ dalgħodu f’San Ġiljan. Dawn l-investigazzjonijiet ħallew il-frott, hekk kif illejla ġie arrestat l-allegat aggressur.

Għall-ħabta tat-8:00 p.m, meta waqt li l-pulizija kienu għaddejjin bit-tfittxijiet
għalih, lemħu lir-raġel, li kien jaqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat, f’Pembroke. Huwa twaqqaf mill-ewwel u ġie arrestat.

Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li r-raġel huwa wkoll Kolumbjan. Huwa qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana għal aktar investigazzjonijiet.

L-istħarriġ tal-Pulizija, flimkien mal-inkjesta maġisterjali dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

12:39 p.m- Tfajla fil-periklu tal-mewt wara li qalgħet daqqiet b’flixkun tal-ħġeiġ f’San Ġiljan

Tfajla mill-Kolombja ta’ 25 sena residenti tas-Sliema tinsab fil-periklu tal-mewt wara li dalgħodu għall-ħabta tal-10:00 a.m, spiċċat feruta fuq il-blat viċin Triq il-Wilġa, San Ġiljan.

Minn stħarriġ preliminari rriżulta li waqt li l-vittma kienet flimkien ma’ persuna oħra, avviċinaha raġel mhux magħruf u nqalgħet kommosjoni. Kien f’dan il-mument li r-raġel beda jxejjer flixkun mkisser, b’konsegwenza li l-mara ġarrbet diversi ġrieħi.

Tim mediku ssejjaħ fuq il-post u wara t-tfajla ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar kura medika.

Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ sabiex tistabillixxi d-dinamika tal-każ filwaqt li għaddejjin t-tfittxijiet għall-persuna involuta.

12:13 p.m- Tfajla l-Isptar wara li sfat aggredita minn raġel waqt argument f’bajja f’San Ġiljan

Tfajla ta’ 25 sena residenti Tas-Sliema ddaħlet l-isptar u jidher li qed issofri xi ġrieħi wara li għall-ħabta tal-10:00 a.m f’bajja f’San Ġiljan, kienet involuta f’argument ma’ raġel.

Kelliem għall-Pulizija ikkonferma ma’ dan is-sit li ż-żagħżugħ kienet qed tgħum ma’ ġuvni, meta allegatament tfaċċa raġel u dan qabad argument mat-tfajla. Ingħad li waqt l-argument bejn it-tfajla, l-agressur laqatha b’arma li taqta’ .

Filwaqt li t-tfajla bħalissa qed tingħata l-kura meħtieġa minn tim mediku tal-Isptar Mater Dei, il-Pulizija għaddejja bi tfittxija għall-aggressur hekk kif dan ħarab minn fuq il-post.

Aktar dettalji malli jaslulna

Sport