Il-coach tat-team nazzjonali Malti, Emilio De Leo, fetaħ il-konferenza stampa ta’ qabel il-partita tal-lum b’messaġġ emozzjonanti li fih għażel li jirrikonoxxi l-kontribut ta’ dawk kollha li għenu fit-triq tat-team nazzjonali u kellhom rwol importanti minn wara l-kwinti f’dak li qed jitqies bħala kisba storika għall- football Malti.
Minflok iffoka biss fuq il-players u dawk li spiss ikunu fiċ-ċentru tal-attenzjoni, De Leo ried jagħti ġieħ ukoll lill-ħidma tal-istaff mediku, tat-team manager, tal-persuni responsabbli mill-ilbies tal-players, tat-team tal-midja u tal-ħaddiema amministrattivi. Fil-fatt, huwa semma b’isimhom lill-membri kollha tal-istaff li jaħdmu bla heda minn wara l-kwinti biex it-team ikun jista’ jwettaq l-impenji tiegħu.
Il-coach ta wkoll ġieħ speċjali lil Mark Piscopo, magħruf b’għożża bħala Il-Lullu, li ddeskrivieh bħala l-qalb tal-grupp.
“Sa mill-ewwel jum tiegħi hawnhekk kont nisma’ dwaru,” qal De Leo, filwaqt li enfasizza l-post speċjali li l-Lullu dejjem kellu fi ħdan il-familja tat-team nazzjonali.
Il-kliem tal-coach mess b’mod partikolari lil Keith Fenech u Frankie Ciantar, li kienu preżenti għall-konferenza u ġew mistiedna jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom. It-tnejn stqarrew li ma kinux qed jistennew li jissejħu biex jindirizzaw lill-midja u ddeskrivew dak il-mument bħala wieħed tassew emozzjonanti.
Huma spjegaw li din kienet mira li l-grupp kollu kien ilu joħlom li jilħaq, filwaqt li rringrazzjaw lill-coach talli apprezza u rrikonoxxa l-kontribut ta’ dawk li jaħdmu bla heda biex it-tim ikun jista’ jirnexxi.
“Nixtieq li l-Lullu kien hawn magħna wkoll. Nimmissjawh ħafna. Huwa kien il-qalb ta’ dan il-grupp,” kien il-messaġġ emozzjonanti tagħhom.
De Leo spjega li dan ir-rikonoxximent kien ukoll mod kif jagħti lura xi ħaġa lil dawk li ħafna drabi jibqgħu minsija, minkejja l-ħidma importanti tagħhom. Huwa rrimarka li fl-ambjent tal-football spiss ikun hemm kritika meta l-wirjiet jew ir-riżultati ma jkunux sodisfaċenti, iżda ftit li xejn tingħata attenzjoni lil dawk li jaħdmu minn wara l-kwinti.
“Ilħaqna l-mira tagħna nhar il-Ġimgħa li għadda,” qal il-coach, filwaqt li saħaq li kien importanti li kulħadd jieqaf għal mument u japprezza dak li nkiseb.
Madankollu, huwa ried jagħmilha ċara li t-team m’għandux iħalli l-kisbiet tal-passat itellfuh mill-għanijiet li għad fadallu jilħaq.
“Irridu ngħixu dan il-mument u nkunu kburin b’dak li ksibna, iżda għada għandna pass ieħor x’nagħmlu. M’għandniex inħarsu lura, iżda ’l quddiem. Pass wara pass,” tenna De Leo.
Meta mbagħad tkellem dwar l-impenn li jmiss, il-coach ammetta li l-wirja kontra Ġibiltà ma kinitx waħda sodisfaċenti u lanqas ma kienet tirrifletti dak li t-team kien qed jittama li jikseb.
“Nixtiequ li kellna partita aħjar kontra Ġibiltà, iżda ma rnexxilniex niksbu t-tliet punti. Ma nistgħux ngħidu li tajna l-aħjar tagħna. Kien hemm xi ħaġa nieqsa u ma konniex fil-livell li xtaqna nkunu fih,” qal il-coach.
De Leo insista li hemm bżonn ta’ titjib fil-wirja tat-team, partikolarment f’dak li jirrigwarda l-aggressività u l-kunfidenza fil-ground. Huwa jemmen li jekk Malta tkun aktar determinata u turi prestazzjoni aħjar, ir-riżultat pożittiv jista’ jasal ukoll.
“Irridu nkunu aktar aggressivi u aktar kunfidenti f’dak li nagħmlu. Jekk għada nwettqu wirja aħjar, ir-riżultati jiġu wkoll,” żied jgħid.
Il-coach tkellem ukoll dwar l-opportunitajiet li ngħataw diversi players żgħażagħ matul l-aħħar impenji internazzjonali. Fost dawn semma lil James Sissons, Basil Tuma u Keyon Ewurun, li ngħataw iċ-ċans juru l-kwalitajiet tagħhom u jagħtu prova tal-potenzjal li għandhom.
Minkejja d-diżappunt li Malta ma rnexxilhiex tikseb ir-rebħa kontra Ġibiltà, De Leo baqa’ fiduċjuż fil-progress li għamel it-team. Malta ġejja minn sensiela ta’ sitt partiti li fiha kisbet erba’ rebħiet u żewġ draws, rekord li juri l-konsistenza li rnexxielha tikseb fl-aħħar impenji tagħha.
Madankollu, il-coach ammetta li l-ambizzjoni tibqa’ dejjem li t-team jirbaħ kull partita.
“Nixtiequ li kellna sitt rebħiet, iżda kull partita hija importanti u dejjem irridu nirbħu. Għalhekk, il-pressjoni tibqa’ l-istess f’kull partita,” spjega De Leo.
Min-naħa tiegħu, il-captain Matthew Guillaumier ukoll indirizza lill-midja, fejn tkellem dwar l-importanza tal-isfida li jmiss u d-determinazzjoni li hemm fi ħdan l-iskwadra.
Guillaumier enfasizza x-xewqa tal-players li jilħqu mira daqstant importanti u assigura li t-team jinsab preparat għall-isfida li għandu quddiemu. Huwa saħaq li kull player għandu rwol x’jaqdi u li kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu sabiex Malta tilħaq l-ambizzjoni li tispiċċa fl-ewwel post taż-żewġ gruppi.
“Il-ħolma tagħna hija li nilagħbu fil-Kampjonat Ewropew, iżda l-mira immedjata tagħna hija dik kontra Ġibiltá: li niksbu l-massimu tal-punti u nispiċċaw fl-ewwel post taż-żewġ gruppi,” temm jgħid Guillaumier.




