Il-Pulizija fetħu investigazzjoni kriminali fil-konfront ta’ membri li jifformaw it-tim legali ta’ Yorgen Fenech, wara li wieħed minnhom offra somma flus lil ġurnalist fi tmiem ta’ laqgħa.
Times of Malta qalet li l-ġurnalist tagħha Ivan Martin ngħata numru ta’ karti ta’ €500 mill-avukat Gianluca Caruana Curran wara laqgħa ta’ 20 minuta li żvolġiet nhar it-Tnejn li għadda. Martin irrifjuta l-flus u immedjatament irrapporta dak li kien seħħ lill-editur dirett tiegħu.
Caruana Curran huwa wieħed mill-avukati li qed jirrappreżenta lil Yorgen Fenech, li huwa l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fi stqarrija aktar kmieni llum Caruana Curran flimkien mal-avukat Charles Mercieca, li wkoll kien preżenti għal-laqgħa qal li Martin ġie offrut il-flus minħabba li kien qed joffri s-servizzi investigattivi tiegħu biex jgħin lil Fenech bil-għan li tintwera l-innoċenza tiegħu.