Thursday, December 26, 2024

Il-Pulizija kellha tuża l-forza biex toħroġ lil Roderick Cassar mir-residenza tiegħu

Aqra wkoll

Il-Pulizija ma kellhiex alternattiva oħra għajr li tidħol bil-forza fir-residenza ta’ Roderick Cassar. Dan wara li huwa baqa’ ma kkoperax mal-Pulizija u għalhekk kellhom joħorġuh ‘il barra bil-forza. 

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Kurt Zahra, hekk kif quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Roderick Cassar li jinsab mixli li fit-22 ta’ Novembru tal-2022 qatel lil martu Bernice b’żewġ tiri t’arma tan-nar f’Kordin.

L-Ispettur Zahra qal li dakinhar li seħħ l-inċident, huwa mar fuq il-post għall-ħabta tal-10.00 a.m. u flimkien ma’ Pulizija oħrajn baqgħu għassa fl-istess post fejn Bernice inqatlet sas-2.00 a.m tal-għada. 

Xehed ukoll l-Ispettur Omar Zammit li qal li dakinhar li seħħ il-qtil ġie infurmat mill-assistent kummissarju li hemm bżonn ta’ għajnuna sabiex tinħareġ persuna mir-residenza tagħha. 

L-Ispettur Zammit spjega kif mar fir-residenza ta’ Cassar u li ra li Roderick ma bediex jikkopera mal-Pulizija. Xehed kif baqa’ jipprrova jikkomunika ma’ Cassar sas-2.00 a.m, sakemm imbagħad kellhom jidħlu għalih il-Pulizija. 

Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi, Jacob Magri u Marion Camilleri. 

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Darlene Grima, Angele Vella u Anthony Vella. 

Għall-familja tal-vittma, qegħdin jidhru l-avukati Marita Pace Dimech, Ann Marie Cutajar, Rodianne Sciberras u Stefano Filletti. 

Ekonomija

Sport