Wednesday, November 11, 2026
Home Internazzjonali Il-Pulizija kienet tipprova tipproteġi lill-Papa Ġwanni Pawlu II

Il-Pulizija kienet tipprova tipproteġi lill-Papa Ġwanni Pawlu II

0
32

Egildo Biocca kien wieħed mill-membri tas-sigurtà li kellhom f’idejhom il-protezzjoni ta’ Ġwanni Pawlu II.

Dan il-pulizija kien dejjem jakkumpanja lill-Papa fil-mixjiet tiegħu fil-kampanja jew fil-muntanji Taljani, li l-Papa tant kien jieħu gost jagħmel minn żmien għal żmien.

Li l-Papa ma kienx jaf kien li Biocca kien jimxi qablu sabiex jipprova jevita li jiltaqa’ man-nies. Jien naħseb li kieku l-Papa kien jinduna b’dan l-aġir, ma kien jieħu gost xejn!

Darba minnhom, il-Papa kien qed jimxi fil-kampanja Taljana meta Egildo Biocca ssuspetta li xi nies setgħu jiltaqgħu mal-Papa. Għalhekk, mexa sew ’il quddiem u ltaqa’ ma’ ragħaj li kien qed jirgħa n-nagħaġ tiegħu.

Waqt li kien qed jitkellem mar-ragħaj, Biocca daħħlu fid-diskors u dan beda jaħseb li l-bniedem li kellu quddiemu kien interessat li jixtri xi nagħaġ mingħandu. Tant daħal fir-rwol tar-ragħaj li dan lanqas biss induna li l-Papa u sħabu kienu għaddew minn ftit metri ’l bogħod minnu!

Darb’oħra, il-Papa kien jinsab fis-Santwarju tal-Mentorella. Waqt li Ġwanni Pawlu II kien qed jitlob f’dik il-knisja, daħlu mara u binha. Dun Stanislaw, b’differenza għal Egildo Biocca, qatt ma azzarda jżomm lin-nies milli jidħlu fil-knisja meta l-Papa kien ikun qed jitlob hemmhekk.

Dawn it-tnejn daħlu liberament u, qabel ma bdew jitolbu, saħansitra sellmu lill-Papa. Hekk kif ħarġu mill-knisja, it-tifel qal lil ommu: “Ma nistgħux ngħidu li rajna lill-Papa fil-Mentorella, għax jew jaħsbuna giddibin jew inkella miġnunin!”

Darba minnhom, Ġwanni Pawlu II kien qed jimxi fil-Valle d’Aosta u, fi triqtu, kien se jiltaqa’ ma’ grupp ta’ xabbaturi minn Teramo. Egildo Biocca ħaffef il-pass, qabeż lill-Papa u mar jiffaċċja lil dak il-grupp.

Qalilhom li kienu militari li kienu qed jagħmlu xi esperimenti u talabhom jibdlu triqthom. Huma obdew minnufih u, b’hekk, dan il-pulizija evita li jiltaqgħu mal-Papa.

Dun Stanislaw dejjem irrakkomanda li l-membri tat-tim tas-sigurtà tal-Papa qatt ma kellhom jagħtu fastidju lil ħadd. Kien jemmen li jekk xi ħadd jiltaqa’ wiċċ imb’wiċċ mal-Papa, kellu jingħata l-opportunità li jitkellem miegħu!

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here