Il-pulizija Olandiża arrestaw lill-koppja li ħarbet minn lukanda fejn kienu qegħdin jinżammu kwarantina minħabba l-Covid-19. L-arresti saru fl-ajruport ta’ Schiphol ġewwa Amsterdam ftit biss qabel dawn telqu lejn Spanja. Il-midja tal-lokal irrapportat li l-koppja huma raġel Spanjol u mara Portugiża.
Dan kollu qiegħed iseħħ fi żmien meta ġewwa l-Olanda feġġew 13-il każ tal-varjant il-ġdid tal-Covid-19 wara l-wasla ta’ żewġ titjiriet mill-Afrika t’Isfel. Din il-koppja huma fost 61 passiġġier li ttestaw pożittiv għall-Covid-19 wara l-wasla mill-Afrika t’Isfel iżda s’issa għadu mhux magħruf jekk dawn kinux ttestjaw pożittiv għall-varjant Omicron.
Il-midja rrapportat li b’xi mod din il-koppja rnexxielhom jaħarbu minn lukanda ta’ kwarantina li tinsab fir-reġjun Kennemerland, li fiha hemm numru ta’ passiġġieri li ġew mill-Afrika t’Isfel – il-post fejn feġġ l-ewwel darba l-varjant il-ġdid. Dawn jistgħu jkunu qegħdin jiffaċċjaw akkużi ta’ kur tar-regoli ta’ kwarantina.
Intant matul il-jum tal-Ħadd ġewwa l-Olanda daħlu fis-seħħ iktar miżuri restrittivi minħabba ż-żieda fin-numru ta’ każijiet u anke minħabba t-tħassib tal-varjant il-ġdid. B’dawn ir-restrizzjonijiet il-bars, restornati u ħwienet se jkunu qegħdin jiġu mitluba biex jagħlqu iktar kmieni minn dak ippjanat u anke ddaħħlu restrizzjonijiet dwar in-numru ta’ persuni li wieħed jista’ jilqa’ ġewwa daru.
Iċ-ċittadini Olandiżi qegħdin ikunu mħeġġa wkoll biex jaħdmu mid-dar fejn possibbli, iżda skejjel u universitajiet baqgħu miftuħa. Iktar kmieni dan ix-xahar ġewwa l-Olanda kien hemm numru ta’ dimostrazzjonijiet hekk kif ħafna kienu dawk li ma qablux mal-miżuri restrittivi ġodda.
Minn kemm ilha li bdiet il-pandemija, l-Olanda kellha 20,000 mewt relatata mal-Covid-19.