Thursday, October 31, 2024

Il-Pulizija se tinvestiga min ħareġ id-digriet dwar Keith Schembri

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Imħallef Edwina Grima ordnat lill-Pulizija biex tinvestiga min seta għadda d-digriet li ħarġet b’rabta mal-investigazzjonijiet fuq Keith Schembri u l-iffriżar tal-assi ta’ diversi persuni nkluż tal-istess eks-Chief-of-Staff f’Kastilja.

Kien l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li permezz ta’ rikors li ippreżenta quddiem l-istess imħallef ilmenta li l-ordni tagħha spiċċa ippubblikat minn diversi sezzjonijiet tal-media u wħud minnhom saħansitra ippubblikaw id-digriet kollu.

Huwa għamilha ċara li l-liġi tgħid ċar u tond li kull min jiżvela xi ħaġa li tippreġudika l-effetti ta’ din l-ordni jew ta’ xi investigazzjoni jkun ħati ta’ reat u jekk jinstab ħati jista’ jeħel multa ta’ €11,646 inkella piena ta’ mhux aktar minn 12-il xahar ħabs.

Fir-risposta tagħha, l-Imħallef Grima qalet li hija tinsab imħassba kif id-digriet mogħti minnha ġie mgħoddi lil ċertu sezzjonijiet tal-media u sostniet li dan jista’ joħloq preġudizzju serju fil-kors tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

Dan għaliex b’hekk jistgħu jiġu mxekkla l-investigazzjonijiet tal-Pulizija li jistgħu iwasslu sabiex jittieħdu proċeduri penali kontra l-persuni suspettati u soġġetti għal din l-investigazzjoni.

Waqt li irrimarkat li hija għandha idejha marbuta billi ma tista’ qatt titlob lill-membri tal-media jiżvelaw is-sors tagħhom għax dan huwa dritt tagħhom, l-Imħallef Grima ikkundannat il-fatt li fi stadju tant delikat tal-investigazzjonijiet tal-Pulizija ġew ippubblikati dettalji marbuta magħhom.

Kien għalhekk li hija laqgħet it-talba tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jinvestiga dan il-każ biex jiġi stabbilit jekk inkisritx il-liġi u jekk hemmx xi persuna li għandha tittieħed azzjoni kriminali kontriha talli ħarġet id-digriet.

Hija ordnat ukoll li notifika ta’ dan id-digriet tintbgħat lill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) sabiex il-mezzi tax-xandir jagħrfu jimxu mad-direzzjoni mogħtija f’dan id-digriet.

Sport