Thursday, April 18, 2024

“Is-Servizz Pubbliku jibqa’ s-sinsla ta’ din l-amministrazzjoni” – Il-PM Robert Abela

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Medja ta’ 60 elf telefonata fix-xahar fuq il-153 u 30 elf oħra matul ix-xhur tal-Covid-19

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-ħaddiema fis-settur pubbliku għandhom sehem ewlieni biex jagħmlu minn pajjiżna post aħjar għaċ-ċittadini tiegħu. Huwa qal li r-riformi kbar li saru fl-aħħar snin wasslu biex llum għandna Servizz Pubbliku mill-aktar effiċjenti tant li l-fiduċja fih hija ta’ 14-il punt perċentwali ‘l fuq mill-medja Ewropea. Il-Prim Ministru aċċenna għall-fatt li s-servizz ta’ 153 waslulu medja ta’ 60 elf telefonata fix-xahar u 30 elf oħra matul ix-xhur tal-Covid-19. Huwa qal dan fil-messaġġ tiegħu għall-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku ta’ din is-sena.

Il-Prim Ministru qal li hekk kif l-aħħar xhur kienu ta’ sfida kbira għall-poplu kollu, il-ħaddiema fiċ-Ċivil qamu għall-okkażjoni u ħadmu bla heda. “Ma jgħaddix jum li fih il-Gvern permezz tas-Servizz Pubbliku ma wassalx is-servizzi essenzjali li l-poplu tagħna jistrieħ fuqhom. Servizz pubbliku li joffri mal-elfejn servizz bi stima ta’ 13-il miljun tranżazzjoni fis-sena,” qal Abela.

Mill-bidu tal-pandemija, is-Servizz Pubbliku kien hemm biex jassisti f’kull qasam b’mod partikolari f’dak tas-saħħa u biex setgħu jiġu salvati l-għajxien ta’ eluf ta’ familji. Apparti minn hekk ħares is-sigurtà ta’ pajjiżna, il-fruntieri tagħna u biex ġab lura f’pajjiżna eluf ta’ Maltin li kienu f’artijiet oħra.

Il-Prim Ministru saħaq li lil hinn mill-pandemija, is-Servizz Pubbliku kien u jibqa’ s-sinsla ta’ din l-amministrazzjoni u li mingħajru ma tistax tiġi implimentata l-viżjoni ekonomika u soċjali ta’ dan il-Gvern li għaddej b’ħidma qawwija biex f’qasir żmien jerġa’ jaqbad it-triq tas-suċċess ekonomiku.

Il-Prim Ministru aċċenna għall-fatt ukoll li fl-istess waqt uffiċjali pubbliċi oħrajn jinsabu impenjati biex il-Maltin u l-Għawdxin ikomplu jtejbu l-livell tal-għajxien tagħhom, li jwettqu l-programm ta’ €700 miljun biex inbiddlu wiċċ pajjiżna, biex joffru edukazzjoni ħolistika lill-istudenti, biex jaraw li l-industriji tagħna jsiru aktar kompetittivi u produttivi u saħansitra biex pajjiżna jkun minn tal-ewwel li jilħaq il-miri ambjentali fosthom li sal-2050 ikun ħieles mill-karbonju.

Huwa temm jgħid li għax kellu direzzjoni ċara mill-Gvern, is-Servizz Pubbliku kien fl-aqwa tiegħu biex iwassal is-servizzi li jistrieħu fuqhom il-Maltin u jimplimenta b’mod effettiv il-miżuri mwiegħda fil-programm elettorali tal-Gvern li se jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu tagħna.

Ekonomija

Sport