Wednesday, April 24, 2024

Trasformazzjoni tas-Servizz Pubbliku bis-saħħa tat-teknoloġija … viżjoni li tinħass li qed titwettaq

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-viżjoni tas-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar snin kienet li permezz tat-teknoloġija jwettaq trasformazzjoni sħiħa fil-mod kif jaħdem u kif iwassal is-servizzi għand in-nies. Kien għalhekk li għamel investiment bla preċedent ta’ €150 miljun fit-teknoloġija li permezz tiegħu din il-viżjoni qed titwettaq u issa se jkompli jibni fuqha permezz tal-intelliġenza artifiċjali. Bħalissa għaddej investiment ta’ €40 miljun oħra għat-twettiq tal-istrateġija Mapping Tomorrow.

Dan qalu s-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, meta bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku indirizza seminar dwar il-prospetti tal-Intelliġenza Artifiċjali fil-ħidma tas-Servizz Pubbliku. Fl-istess seminar saret ukoll preżentazzjoni mill-Professur Alexiei Dingli.

Is-Sur Cutajar elenka l-passi ewlenin fit-twettiq tat-trasformazzjoni diġitali fis-Servizz Pubbliku. Semma fost oħrajn it-twaqqif tas-sit elettroniku ta’ servizz.gov fejn inġabru f’post wieħed is-servizzi governattivi kollha flimkien mal-formoli relattivi, u l-ħolqien tal-mobile app “maltapps” fejn is-servizzi governattivi huma aċċessibbli lejl u nhar permezz tal-mowbajl.

Huwa fakkar li fl-2014 ġiet varata l-ewwel strateġija dwar it-teknoloġija diġitali fis-Servizz Pubbliku – Digital Malta, li fasslet prinċipji ewlenin u azzjonijiet strateġiċi li kellhom jittieħdu biex it-teknoloġija diġitali tibda tintuża u tibda tagħmel id-differenza f’oqsma bħall-ekonomija, l-impjiegi, l-industrija u n-negozji ż-żgħar.

Fl-2016, imbagħad, tnediet l-Istrateġija tal-Gvern dwar Servizzi Governattivi fuq il-Mowbajl. Din l-istrateġija kellha direzzjoni ċara ħafna, b’viżjoni ta’ servizzi li jkunu aċċessibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, is-sena kollha. L-għanijiet tal-istrateġija kienu li ċ-ċittadini jingħataw poter ġdid, li dawn l-mservices jużawhom kemm jista’ jkun nies, u li l-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku stess jużaw it-teknoloġija internament biex jagħtu servizz ta’ eċċellenza. 

Is-sena li għaddiet tnieda l-pjan strateġiku Mapping Tomorrow fuq perjodu ta’ tliet snin (2019-2021) li kompla jibni fuq is-suċċessi milħuqa. Fost affarijiet oħra, dan il-pjan jaħseb biex ikompli jiżdied l-użu taċ-ċittadini mis-servizzi online; jissaħħu s-sistemi diġitali interni biex l-uffiċjali pubbliċi jagħmlu xogħolhom b’mod aktar effiċjenti; u fuq kollox li jibda jitħaddem fil-prattika l-Once-Only Principle, jiġifieri li ċ-ċittadin li juża servizz governattiv jintalab l-informazzjoni dwaru nnifsu darba biss.

Is-Sur Cutajar qal li għaż-żmien li ġej irridu naraw kif se nużaw l-Intelliġenza Artifiċjali fis-sistemi diġitali tagħna biex infasslu u noffru servizzi ġodda li jantiċipaw  u jissodisfaw il-bżonnijiet tal-utenti f’oqsma differenti. Il-pass li jmiss huwa li titfassal strateġija ġdida li tkopri mill-2022 ’il quddiem, dejjem fil-ħarsien sħiħ ta’ kwistjonijiet etiċi, bħal kif u fejn tintuża d-data miksuba, u kif tinħażen. L-isfida ewlenija se tkun li ssir l-għażla ta’ liema huma dawk is-servizzi li se jingħataw b’investiment tal-intelliġenza artifiċjali.

Għaż-żmien li ġej, kompla s-Sur Cutajar, irridu wkoll insaħħu l-istrutturi li permezz tagħhom ninvestu fit-teknoloġija. M’għadux iż-żmien li nibqgħu sparpaljati, b’dipartimenti jaħdmu għal rashom. B’seħħ immedjat daħlu strutturi ġodda li jikkonċentraw l-iżvilupp tat-teknoloġija fl-aġenzija servizz.gov biex naċċertaw li jkun hemm sinerġija sħiħa bejn l-investiment, id-disinn tas-servizzi u s-servizzi nfushom. Irridu naraw li jinħoloq ċiklu bejn l-investiment u s-servizz mogħti biex nibqgħu ntejbu kull servizz u nagħtu permanenza għal servizz dejjem aqwa.

Fil-preżentazzjoni tiegħu, il-Professur Alexiei Dingli ta ħarsa fid-dettall lejn kif l-Intelliġenza Artifiċjali tmiss ma’ kull settur tas-Servizz Pubbliku u kif mistennija tkompli tbiddel id-dinja tagħna fl-għaxar snin li ġejjin. Huwa qal li l-Intelliġenza Artifiċjali ilha magħna 70 sena iżda kien f’dawn l-aħħar għaxar snin li għamlet qabżiet kbar u laħqet il-milja tagħha. Huwa saħaq fuq l-importanza li l-Intelliġenza Artifiċjali ma tibqax fil-laboratorji imma tkun implimentata biex tagħmel differenzi kbar fil-ħajja tan-nies.

Sport