Friday, May 17, 2024

Il-Pulizija ssib droga f’dar “biżżejjed għal 40 persuna”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Pulizija ressqet fil-Qorti żagħżugħ ta’ 24 sena wara sejba ta’ droga f’residenza privata li l-Pulizija qed tgħid li kien hemm biżżejjed biex jinbiegħu lil madwar 40 persuna.

Davison Micallef mill-Isla ġie mixli bil-pussess tad-droga kokaina, eroina u kannabis li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Huwa ġie arrestat flimkien ma’ ġuvni ieħor ta’ 16-il sena fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, wara li l-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kienu ilhom isegwu l-movimenti tagħhom għal diversi jiem. Minn tfittxija li saret fir-residenza fejn kienu ż-żewġ ġuvintur, il-Pulizija sabu 24 pakkett b’sustanza bajda suspettata droga kokaina, 13-il pakkett b’sustanza kannella suspettata droga eroina, blokka suspettata raża tal-kannabis kif ukoll diversi oġġetti relatati mal-abbuż u t-traffikar tad-droga u ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti. 

Il-ġuvni ta’ 24 sena tressaq quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u talab li jingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni, mmexxija mill-Ispettur Kevin Pulis, oġġezzjonat għal din it-talba minħabba l-gravità tar-reat u l-fatt li għad baqa’ numru ta’ xhieda pajżan li jridu jagħtu x-xhieda tagħhom. 

Il-Prosekuzzjoni saħqet li f’dan il-każ “qed nitkellmu fuq ammont ta’ qratas kokaina u eroina” fejn l-ammont ta’ droga misjuba kienet biżżejjed tinbiegħ lil 40 persuna. 

Wara li semgħet il-partijiet jitrattaw fuq it-talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti ċaħdet it-talba, bl-imputat jibqa’ jinżamm taħt arrest preventiv. 

L-Avukati Franco Debono u Yanika Bugeja dehru għal Micallef.

Intant, minn tfittxija li saret fuq il-ġuvni ta’ 16-il sena, il-Pulizija sabet pakkett suspettat li fih hemm ħaxixa tal-kannabis u xi affarijiet oħra relatati mal-abbuż tal-istess droga. Il-ġuvni mistenni jitressaq quddiem it-Tribunal tal-Ġustizzja, aktar ‘il quddiem.

Aqra wkoll:

https://www.inewsmalta.com/2020/05/zewg-guvintur-arrestati-brabta-ma-allegat-traffikar-u-pussess-ta-droga/

Sport