Madwar 50 żagħżugħ tqabdu mal-pulizija ta’ kontra l-irvellijiet f’Edinburgh, l-Iskozja waqt lejla ta’ logħob tan-nar. Iż-żgħażagħ saħansitra waddbu bombi tal-petrol direttament fuq il-pulizija. F’dan l-irvell, tmien uffiċjali tal-pulizija sofrew ġrieħi ħfief f’lejl ta’ ta’ vjolenza bla preċedent.
Dan l-inkwiet inqala fl-inħawi tan-Niddrie fl-istess waqt li l-Pulizija Skoċċiża kellha twieġeb ukoll għal disturbi simili fi nħawi oħra fosthom Glasgow u Dundee fejn ukoll kien qed jiġi ċċelebrat ‘Bonfire Night’.
Is-Servizz Skoċċiż tat-tifi tan-Nar u Salvataġġ (SFRS) qal li disa’ persuni ta’ l-ekwipaġġi ġew attakkati matul perjodu ta’ rvell ta’ tmien sigħat madwar il-pajjiż.
Fi stqarrija ntqal li l-pulizija kienu qed isegwu numru ta’ individwi li jemmnu li qed jipprovdu liż-żgħażagħ b’murtali u trikki trakki u bombi tal-petrol biex jimmirawhom għal fuq il-pulizija.
Ritratti u filmati li tpoġġew fuq il-midja soċjali wrew persuni fil-qrib jaraw il-vjolenza sseħħ waqt li pulizija kienu qed jiġu bbumbardjati bl-isplussivi. Madwar 50 żagħżugħ fi ħdan grupp akbar ta ‘żgħażagħ u adulti kienu responsabbli biex jidderieġu logħob tan-nar lejn vetturi u bini qabel ma l-imġieba tagħhom eskalat ftit tal-ħin wara li waslu l―pulizija fuq il-post.
Fi Glasgow inqala ġlied bejn żewġ gruppi ta’ żgħażagħ li bdew igaraw il-murtali lil xulxin fiż-żona ta’ Quarrywood Avenue ta’ Barmulloch. L-Assistent Kmandant tal-Pulizija qal li minoranza ta’ individwi kienu responsabbli għal livell inaċċettabbli u diżgustanti ta’ diżordni li ħalla komunitajiet sħaħ allarmati u uffiċjali tal-pulizija midruba.
Qal uikoll li n-natura vjolenti tad-disturb f’Niddrie hija preokkupanti ħafna billi huwa maħsub li ż-żgħażagħ qed jiġu mħeġġa u kkoordinati b’mod attiv biex jimmiraw lejn l-uffiċjali tal-pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
L-SFRS ikkonferma li l-ekwipaġġi ġew attakkati f’Dundee, Edinburgh, Glasgow, Blantyre f’South Lanarkshire u Blackburn f’West Lothian. L-ebda pompieri ma weġġgħu iżda vettura tat-tifi tan-nar f’West Lothian kellha windscreen imfarrak minn briks li twaddab lejha.
Kien ikkonfermat ukoll li l-inċidenti segwew erba’ attakki rrappurtati qabel fuq l-ekwipaġġi f’Ayrshire u Edinburgh fil-ġimgħa ta’ qabel, kif ukoll żewġ attakki oħra fi tmiem il-ġimgħa fi Troon u Glasgow.
Il-pulizija u l-uffiċjali tat-tifi tan-nar qalu li se jaħdmu fliimkien biex jidentifikaw lil dawk responsabbli għad-diżordnijiet li nħolqu. Bejn it-3.30 ta’ wara nofsinhar tal-Ħadd u nofs il-lejl il-pumpiera tat-tifi tan-nar irċievew aktar minn 892 sejħa mill-pubbliku waqt li l-pompieri kienu qed jissieltu biex jikkontrollaw madwar 355 ħuġġieġa madwar il-pajjiż.
Il-kelliem Konservattiv tal-ġustizzja Skoċċiż Russell Findlay iddeskrieva attakkijiet bħal dawn fuq uffiċjali tal-pulizija bħala kodardi, imprudenti u perikolużi u sostna li l-Pulizija tal-Iskozja teħtieġ biżżejjed riżorsi biex tindirizza lil dawn il-‘gangs’
Fl-2018, il-Pulizija tal-Iskozja waqqfet l-Operazzjoni Moonbeam biex tindirizza d-disturb ta’ Bonfire Night.
Is-sena l-oħra, vettura tal-pulizija ntlaqtet minn cocktail Molotov f’Niddrie, u gruppi ta’ sewwiqa fuq muturi ġrew mal-inħawi waqt li murtal jaqbad ġie mitfugħ fl-art. F’Halloween il-ġimgħa li għaddiet, il-pulizija ssejħu fl-inħawi ta’ Kirkton f’Dundee wara li ż-żgħażagħ xegħlu logħob tan-nar u qabbdu ħuġġieġa illegali.