Sunday, December 22, 2024

Il-Pulizija tgħid li għamlet “kuntatt f’diversi okkażjonijiet” mentri l-vittma tisħaq li ħadd għadu ma kellimha lura

Il-Każ tal-vjolenza domestika b'theddid ta' armi tan-nar

Aqra wkoll

Wara l-pubblikazzjoni ta’ esperjenza ta’ omm dwar allegata vjolenza domestika serja lokali li fiha hemm biża’ minħabba armi tan-nar fir-residenza matrimonjali fejn għadhom jgħixu l-koppja sseparata bit-tfal, Talk.mt ġie kkuntattjat mill-Pulizija u minħabba tħassib mill-informazzjoni ppubblikata talbu d-dettalji tal-vittma għax, “nixtiequ inkellmu l-vittma ħalli niġbru aktar informazzjoni u nassistuha skont il-bżonn”. Dan is-sit apprezza l-interess u għadda d-dettalji mitluba.

L-allegat każ huwa kritiku minħabba li, barra li l-vittma qalet li qiegħda ta’ kuljum tbati u tħossha mhedda, hemm it-tfal innoċenti fin-nofs. Minħabba ġlied, għajjat, tisbit anke matul il-lejl, armi fid-dar u attitudni agressiva, din l-omm qiegħda tibża’ li minn jum għall-ieħor isseħħ xi traġedja. 

Din il-vittma ta’ vjolenza domestika qasmet l-esperjenza tagħha f’għajta ddisprata għall-għajjut bit-tama li tittieħed azzjoni konkreta wara li allegatament hija talbet l-għajnuna diversi drabi lill-fergħat kollha tal-awtoritajiet ikkonċernati “b’rapporti kontra rapporti, iżda qisu ħadd ma jista’ jgħinnha”.

Wara li konna għaddejna d-dettalji u l-kuntatt tal-vittma, li baqgħet anonima minħabba raġunijiet ovvji ta’ sigurtà għaliha u aktar u aktar għal uliedha, aħna bqajna nsegwu l-każ. Kien għalhekk li erġajna kellimna lill-vittma u staqsjeniha jekk hemmx xi żviluppi u jekk il-Pulizija għamlux kuntatt magħha. Min-naħa tagħha din l-omm qaltilna li ħadd ma ċemplilha jew kellimha mill-Korp u li s-sitwazzjoni fid-dar għadha, jekk mhux iggravat aktar, għadha waħda kritika. 

“Wara li konna għaddejna d-dettalji u l-kuntatt tal-vittma, li baqgħet anonima minħabba raġunijiet ovvji ta’ sigurtà, aħna bqajna nsegwu l-każ

Bil-għan li nikkonfermaw dan, bagħtna l-mistoqsijiet lill-Pulizija fejn infurmajnihom li erġajna kellimna lil din il-mara u li kienet infumatna li, wara li ngħataw id-dettalji tagħha, min-naħa tal-Korp ħadd ma kien ikkuntatjaha. Tlabna lill-Korp jikkonferma jekk dan huwiex il-każ u staqsejna wkoll x’azzjoni hemm ippjanata fir-rigward.

Il-kelliem tal-Korp min-naħa tiegħu infurmana li, “il-Pulizija, kemm mis-sezzjoni tal-Gender Based and Domestic Violence Unit, mill-Victim Support Unit u anke tad-Distrett, għamlu kuntatt u tkellmu mal-vittma f’diversi okkażjonijiet”.

L-aħħar li ċċekkjana ma’ din l-allegata vittma ta’ vjolenza domestika serja lokali, sakemm ġejna għall-istampa hija baqgħet issostni li l-Pulizija għadhom m’għamlux kuntatt magħha.

Ekonomija

Sport