Friday, November 1, 2024

Il-Pulizija tħeġġeġ lill-persuna li tajret lill-vittma biex tagħti ruħha b’idejha lill-pulizija

Aqra wkoll

Skont l-aħħar dettalji b’rabta mal-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar is-sejba ta’ raġel mejjet fiż-Żejtun ġie kkonfermat li l-vittma miet wara li safa mtajjar.

Il-Pulizija kkonfermat dwar sejba ta’ biċċiet mill-karozza li x’aktar kienet involuta f’dan l-inċident u li huma ta’ kulur griż.

Kelliem għall-Pulizija, fl-aġġornament tiegħu b’rabta mal-aħħar żviluppi dwar il-każ appella lill-persuna responsabbli li setgħet inħakmet minn mument ta’ paniku wara l-inċident biex tagħti ruħha b’idejha lill-Pulizija.

L-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin fejn fost affarijiet oħra, il-pulizija għaddejja b’ħidma biex jinġabru filmati minn CCTVs li hemm fl-akwati.

B’rabta ma’ dan il-każ infetħet inkjesta li qiegħda tiġi mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Marsanne Farrugia bl-għajnuna tal-esperti.

12:00 p.m: Raġel jinstab mejjet fil-ġenb ta’ triq fiż-Żejtun

Ftit tal-ħin ilu, raġel ta’ 51 sena miż-Żejtun instab mejjet fi Triq il-President Anton Buttigieg fiż-Żejtun.

Għalkemm l-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom fi stadju bikri, skont l-ewwel indikazzjonijiet jidher li r-raġel seta’ tħalla mejjet wara hit and run.

Fil-post issejjaħ tim mediku u ambulanza, iżda sfortunatament ir-raġel kien iċċertifikat mejjet fil-post. Fuq il-post hemm ukoll tim mill-Forensika tal-Pulizija li għaddej bl-investigazzjonijiet.

It-triq tinsab magħluqa għat-traffiku.

Sport