F’isem il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà akkumpanjat minn membri tal-Pulizija ta’ Malta ta s-somma ta’ €9,700 lil Puttinu Cares.
€1,000 inġabru waqt attività ta’ Target Shooting organizzata aktar kmieni dan ix-xahar, filwaqt li l-€8,700 li jifdal ġew kollha mogħtija minn membri tal-Pulizija ta’ Malta.
Waqt li kien qed jagħti d-donazzjoni fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, il-Kummissarju ltaqa’ ma’ Luca Piccione, li lura f’Novembru 2021 inqabad fil-maltemp flimkien ma’ ommu waqt li kien sejjer għall-kura l-isptar u uffiċjal tal-pulizija kien skortah sabiex ikunu jistgħu jirċievu trattament fil-ħin.
Waqt konversazzjoni qasira ma’ Luca u l-familja tiegħu l-Pulizija qalet li saru jjafu li jħobb it-timijiet SWAT u l-Ispettur responsabbli mill-Special Intervention Unit li kien qed jakkumpanja lill-Kummissarju spontanjament tah il-badge tal-unità personali tiegħu bħala simbolu ta’ apprezzament.