Wednesday, April 24, 2024

“Jien għandi expiry date fil-politika bħal kulħadd. Taf tasal ġimgħa oħra, sena jew ħames snin oħra”

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Waqt li kien qed jiġi intervistat fil-programm ta’ Andrew Azzoparddi fuq 103, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem dwar diversi temi u fost l-oħrajn tkellem dwar Jason Azzopardi fejn hawnhekk qal li mhu veru xejn li l-Partit ħadem kontrih.

F’dan ir-rigward Grech qal: “Niċħadha kategorikament. Jason Azzopardi huwa persuna illi ħadem ħafna u ta kontribut kbir, pero kulħadd irid jifhem li l-elettorat jiddeċiedi u kulħadd irid jifhem li kulħadd għandu tmiem. Jien għandi expiry date fil-politika, bħal kulħadd. Taf tasal ġimgħa oħra, sena oħra jew ħames snin oħra. Fhimtha qabel ma bdejt li għandi expiry date u filwaqt li ngħid li Azzopardi ħadem bla dubju, irridu nifhmu li llum irridu nimxu ‘l quddiem bi stateġija waħda, bi grupp parlamentari li jiddiskuti, li jkollu pożizzjoni waħda u li dik il-pożizzjoni mbagħad tkun ta’ kulħadd.”

Żied jgħid: “Ma naqbilx mija fil-mija miegħek li dan huwa żmien mhux daqshekk feliċi. Veru li tlifna elezzjoni ġenerali. Wieħed ikun jixtieq li jmur aħjar jew jirbaħ, pero jien dejjem ħadt ir-riżultati li kelli f’ħajti bl-aktar serenità u bl-aktar mod matur. Dan ifisser li dan huwa mument anzi ta’ tiġdid kontinwu li rridu nkomplu nagħmlu fil-PN. Nifhem li jkun hemm id-diżappunti, il-ħajja jkollha d-diżappunti, pero issa x’nagħmlu b’dak id-diżappunt u kif indawruh f’enerġija huwa l-iktar ħaġa importanti.”

Mistoqsi jekk jinkwetahx li kontinwament tissemma Dr Metsola, qal li jaħseb li dik hija riflessjoni ta’ mentalità li bħalissa għad għandu forsi n-Nazzjonalist u jifhmu għaliex snin ilu hu kien qed jirċievi l-istess tip ta’ messaġġi. “Mill-ewwel ġurnata li jiena dħalt biex nikkontesta, dejjem għedt li m’għandix is-soluzzjonijiet kollha. Ikun min ikun Kap tal-PN, fil-futur, xejn mhu se jsir perfett waħdu għax inbidel il-Kap biss. Kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu. Filwaqt li nilqa’ lil kull min jixtieq imexxi l-PN fil-futur, għad hemm iċ-ċans li wieħed jitfa’ l-espressjoni ta’ interess,” qal Grech.

Żied jgħid: “Hija l-prerogattiva tal-Kap tal-Partit li jagħżel fix-shadow min ma jkunx u fejn u naħseb waħda mill-affarijiet li rridu nkomplu napprezzaw iktar, illi l-Kap huwa f’pożizzjoni li jieħu dawk id-deċiżjonijiet bl-aktar mod liberu fl-aħjar interess tal-partit u l-persuni jutilizzahom bl-aħjar mod possibbli.”

“Ejjew inħallu u nifhmu li Kap tal-PN hemm wieħed, mhux mija mhux elf u allura jrid jerġa’ jkollna r-rispett lejn, u nagħtu l-benefiċċju tad-dubju lejn, min ikun qiegħed fil-kariga tal-Kap li bl-aħjar mod jiddeċiedi xi ħaġa u kulħadd ibaxxi rasi b’rispett lejn dik il-kariga.”

Sport