Saturday, December 14, 2024

Il-Pulizija tkellem lil Fr David Muscat b’rabta mal-kummenti omofobiċi

Aqra wkoll

Il-Pulizija llum kellmet lil Fr David Muscat b’rabta mal-kummenti omofobiċi li kiteb fl-aħħar sigħat.

Dan wara li fuq il-midja soċjali huwa kiteb kummenti meqjusa bħala omofobiċi fejn fost l-oħrajn qal li l-bisesswalità agħar mill-possessjoni. B’referenza għall-allegat qattiel tat-tfajlla Pollakka huwa qal:  “Jekk is-suspettat kellu xi gayaġni jew bisesswalità allura din diżordni oħra miżjuda fuq l-iskizofrenija u l-effett malefiku…  l-anqas gravi l-possessjoni… il-gayaġni agħar”.

Il-Pulizija kkonfermat ma’ talk.mt li hija tinvestiga kull rapport ta’ natura kriminali li tiġi għall-attenzjoni tagħha. 

Bosta kienu dawk li fl-aħħar sigħat irreaġixxew u kkundannaw dawn il-kummenti.

Fost l-oħrajn l-Arċisqof Charles J. Scicluna qal li xxukja ruħu b’dak li sema u qara, filwaqt li talab maħfra lil dawk kollha li ġew imweġġa’ minn kummenti li saru. Huwa qal ukoll li se jieħu l-passi biex dawn l-affarijiet ma jerġgħux isiru. 

Intant, ilbieraħ stess, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-ħajja u Organizzazzjonijiet Volontarji Julia Farrugia Portelli talbet lill-Pulizija tinvestiga u tieħu azzjoni fuq dawn il-kummenti. Sostniet li hemm liġijiet ċari f’pajjiżna u li ma taċċetta qatt li persuna tiġi mgħajjra minħabba s-sesswalità tagħha. 

Ħafna innotaw il-fatt li din mhix l-ewwel darba li Fr David għamel kummenti ta’ mibegħda. L-MGRM qalet li huwa ilu għal dawn l-aħħar snin iweġġa’ lill-biċċa l-kbira tal-minoranzi, inkluż l-immigranti, permezz ta’ posts regolari li kien jagħmel fuq il-midja soċjali u kwalunkwe opportunità oħra biex fi kliemhom ixxerred diskors ta’ mibgħeda. 

F’dan l-isfond l-MGRM qalet li issa huwa importanti li tittieħed azzjoni konkreta u li dan japplika mhux biss għall-knisja iżda wkoll għall-pulizija. 

Ekonomija

Sport