Thursday, April 18, 2024

It-tifun “Rai” fil-Filippini affettwa miljuni ta’ nies… Filippina fil-post tikkonferma l-ħerba li ħalla

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Bidu ta’ sena ġdida iebsa għal miljuni ta’ ċittadini Filippini li sofrew devastazzjoni sħiħa mis-super tifun “Rai” (Odette) li fforma fl-atmosfera fit-12 ta’ Diċembru u spiċċa għaxart ijiem wara, nhar it-22 ta’ Diċembru. F’Malta għandna komunità mhux ħażin ta’ Filippini li jaħdmu u jgħixu hawn li segwew imħassba dak kollu li ġara u għadu qiegħed jiġri f’art twelidhom. 

It-tifun, li kisser kull ma miss, affettwa aktar minn sitt miljun persuna f’għaxar reġjuni differenti. Dan sewa l-ħajja ta’ 405 ċittadini mentri 82 oħra għadhom irrapportati nieqsa. Fil-maltemp qawwi aktar minn 700,000 djar sofrew ħsarat estensivi, is-sistemi tal-elettriku u ta’ komunikazzjonijiet waqfu jaħdmu, l-iskejjel u l-postijiet tax-xogħol għalqu u ħafna mill-mezzi ta’ għixien tal-bdiewa u tas-sajjieda lokali ntilfu wkoll. 

Is-sitwazzjoni kritika fil-Filippini xxandret fil-midja internazzjonali u fost filmati u ritratti li ġew ippubbblikati naraw kemm dan il-poplu qiegħed isofri minn maltempati dejjem aktar ħarxa kawża tal-bdil fil-klima. Iżda, biex wieħed jifhem sew sitwazzjoni, irid jgħixha. Persuna li rat u għexet personalment din ir-“rabja” naturali, Corazon G. Pornelos minn Palawan, ikkonfermat ma’ talk.mt il-ħerba sħiħa li dan it-tifun ħalla warajh u qasmet magħna s-sitwazzjoni mwiera preżenti fil-pajjiż b’mod speċjali l-fatt li fir-reġjuni milquta m’huwiex jasal l-ikel u l-poplu beda jbati l-ġuħ. 

Ix-xita kienet qisha duħħan u s-siġar bdew jinqasmu qishom sulfarini… 

F’intervista qasira minħabba li l-Internet huwa limitat kawża tal-ħsarat, il-Filippina minn Pawalan, Corazon G. Pornelos, qaltina li, “hija esperjenza diffiċli mmens dik li qegħdin ngħaddu minnha aħna f’Palawan. It-tifun kien qawwi wisq u niżlet ħafna xita tant li kienet qisha duħħan. Is-saħħa tat-tifun tant kienet kbira li tqaċċtu ħafna siġar li waqgħu fit-toroq u fuq id-djar b’konsegwenza li n-nies spiċċaw bla saqaf fuq rashom. Jien waħda minnhom u għandi t-tfal. Spiċċajna bla saqaf għax tqaċċat bir-riħ. Hekk ġara lili u lil ħafna nies fl-inħawi”. 

Din il-Filippina spjegat kif ħajjitha nqalbet ta’ taħt fuq. Meta seħħ it-tifun, huma kellhom temporanjament isibu kenn f’post ipprovdut mill-istat. Issa, hija u l-familja tagħha rritornaw f’dak li fadal bħala dar tagħhom imma l-futur tagħha u ta’ wliedha huwa wieħed inċert ħafna. Imnikkta qalet li, “tlifna kollox u ma nafx x’se jiġri bina. Vera li għadna ħajjin imma jien kif se  nitma’ u nrabbi lil uliedi?”

“Tlifna kollox u ma nafx x’se jiġri bina. Vera li għadna ħajjin imma jien kif se  nitma’ u nrabbi lil uliedi?” – Filippina li esperjenzat it-tifun Rai

In-nies qegħdin ibatu l-ġuħ…

Din l-omm qalet li t-tifun ħalla warajh esaġerazzjoni ta’ ħsara u faqar. Issa li reġgħet irritornat lura f’dar bla saqaf, Pornelos qiegħed ikollha tgħatti lit-tfal b’ħafna kutri minħabba li bil-lejl jagħmel il-bard. Din il-mara qalet li qiegħda tiffaċċja problema oħra – dik ta’ nuqqas ta’ ikel. Dan minħabba li wara t-tifun “Rai”, l-ikel f’Palawan sar skars ħafna u n-nies qegħdin ibatu l-ġuħ. 

Spjegat li l-maġġorparti tan-nies tal-post huma sajjieda iżda ħafna mid-dgħajjes tagħhom tkissru fil-maltemp. Barra minnhekk,  Pornelos qalet li l-aħħar li ngħataw xkora ross u xi bott b’ikel ipperservat bħala għajnuna umanitarja kien qabel il-Milied u “din l-iskorta ma ngħatatx lil kulħadd”. Mistoqsija x’inhi tagħmel biex jieklu hija u t-tfal, din il-Filippina stqarret li qiegħed ikollha titlob lil ommha u din tal-aħħar, fejn tista’, qiegħda taqsam il-ftit li għandha magħhom. 

“Bħalissa lanqas għandna elettriku. Qegħdin naħdmu bil-batteriji. Ħafna nies qegħdin inaddfu u jneħħu siġar imwaqqa’ fuq djarhom. Għandna ħafna problemi u din l-esperjenza hija trawmatika għall-aħħar. Kont imbeżża’ ħafna meta ġie t-tifun fuqna. Din kienet l-ewwel darba f’ħajti li għext xi ħaġa bħal din… bħal Odette. Minn hawn nappella biex tgħinuna għax għandna bżonn l-ikel,” temmet Corazon G. Pornelos minn Palawan.

Aqra iktar: “Għejnuna!”… tinxtamm ir-riħa tal-mejtin

Ekonomija

Sport