Għaxaq Wolves ġew inkurunati champions tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA fl-aħħar ġurnata ta’ dan il-kampjonat. Dan minkejja t-telfa ta’ 1-0 li sofrew kontra San Ġiljan Saints fil-grawnd ta’ Marsaxlokk.
Il-Ġiljaniżi riedu rebħa akkost ta’ kollox sabiex isalvaw posthom mal-kbar u ħarġu tajjeb tant li fis-27 minuta marru minn fuq hekk kif wara azzjoni mil-linja xellugija, kien Niall Dorman li fajjar xutt b’saħħtu li ħasad lil Lionel Martin bejn il-lasti Għaxqin.
Minkejja l-pressjoni kontinwa ta’ Għaxaq fit-tieni taqsima, id-difiża tas-Saints żammet sod sabiex eventwalment ħarġu bi tliet punti li swewlhom mitqlu deheb sabiex salvaw posthom.
Fi tmiem il-konfront, is-segretarju ġenerali tal-MAFA David Abdilla ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Għaxaq Wolves Josef Felice.
Dan kien ir-raba’ kampjonat konsekuttiv li rebħu Għaxaq Wolves hekk kif telgħu mit-tielet diviżjoni għall-ogħla kategorija filwaqt li kkonfermaw it-titlu li rebħu.
Referee kien Peter Abela.
San Ġwann Pro Evolution Academy hu t-tieni tim li ġie relegat għat-tieni diviżjoni wara t-telfa ta’ 4-3 li sofrew kontra Balluta Barracudas. Dawn tal-aħħar kisbu l-ewwel rebħa tagħhom tal-istaġun għalkemm xorta waħda ġie relegat.
Andrea Lorefice skorja doppjetta għall-Cudas filwaqt li Mike Micallef u Gabriel Echanove żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.
Hissam Oubarrhou skorja doppjetta b’Loic Landry li niżżel ukoll ismu għall-istudenti Franċiżi.
Referee kien Lorry Sammut.
Attard Edex Kings huma r-rebbieħa tal-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni tal-MAFA meta fid-decider għelbu lil Birżebbuġa St Peter’s AFC 4-0.
It-tim minn Attard ħarġu bħal iljuni u marru minn fuq fid-29 minuta meta kien Ikenna Gideon Okoro li għeleb lill-goalkeeper avversarju. Bl-ewwel taqsima li għalqet 1-0 favurihom.
Fit-tieni taqsima, il-pjan tal-logħba qajla nbidel hekk kif fis-37 minuta Lucas Carvalho rdoppja l-iskor sabiex Luis Nestor Silva skorja t-tielet gowl.
Is-siġill fuq il-partita wettqu Ikenna Gideon Okoro li skorja minuta mit-tmiem sabiex għamel l-iskor finali dak ta’ 4-0.
Eżatt mas-suffara tar-referee Gordon Barbara setgħu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Attard li laħqu l-qofol tagħhom meta l-viċi-president tal-MAFA Mario Gauci ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Attard Edex Kings Gary Grant.

