Friday, January 21, 2022

“Għinuna!”… tinxtamm ir-riħa tal-mejtin

Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Is-sens ta’ disprament qiegħed jinħass fost miljuni ta’ Filippini, inkluż il-gvern lokali, fejn qegħdin isiru appelli għall-għajnuna mill-pajjiżi l-kbar. In-“New York Times” irrapportat li dan it-tifun ħalla ħerba sħiħa u “r-riħa tal-mejtin” bdiet tinxtamm sew. Barra minnhekk jingħad li l-uffiċjali Filippini wissew li r-residenti bdew ibatu l-ġuħ u li ħafna minnhom għadhom jistkennu f’ċentri ta’ evakwazzjoni mtella’ apposta f’din l-emerġenza nazzjonali. 

Fit-toroq il-persuni li salvaw minn ħalq il-mewt kawża tas-super tifun “Rai” qegħdin jagħmlu minn kollox biex jiġbdu l-attenzjoni b’kitbiet kbar li juru “Help Us”, għinuna.

Is-saħħa tat-tifun “Rai” tant kienet qawwija li Ed Boysillo, ħaddiem ta’ 54 sena f’Ubay li hija provinċja ta’ Bohol, qal li s-siġar bdew jinqasmu qishom sulfarini. Il-maltempata f’din iż-żona bdiet fis-16 ta’ Diċembru fejn ikkawżat xita torrenzjali u rjaħt b’forza ta’ 168 mili fis-siegħa, għaldaqstant saħħa ta’ urgan tal-ħames kategorija.

“Tajjar bini, faqa’ xmajjar u wassal biex aktar minn seba’ miljun persuna jaħarbu minn djarhom. Spiċċajna bla dawl, bla ilma u bla komunikazzjonijiet. Għamel ħsarat kbar fl-infrastruttura wkoll,” spjega Boysillo. F’Bohol huwa rrapportat li r-riħa tal-mejtin tinħass sew fejn fost vittmi ta’ dan l-avveniment naturali hemm membri ta’ familji li flok iċċelebraw kif suppost il-Milied u l-Ewwel tas-Sena, spiċċaw bi traġedji personali minħabba t-telfa ta’ għeżież.

Antero Ramos, raġel ta’ 68 sena mill-villaġġ ta’ Casare f’Ubay, kawża ta’ dan il-maltemp tilef lil martu Tarsila Ramos ta’ 61 sena u liż-żewġt uliedu bniet – Nita ta’ 37 sena u Nenita ta’ 28 sena. “Marti ddeċidiet li nevakwaw u għaldaqstant morna nfittxu kenn f’bottega żgħira li fiha konna naħżnu r-ross,” spjega dan ir-raġel. Huwa kompla jgħid li, “imma, kif eżatti dħalna fil-bottega, is-saqaf iġġarraf fuqna”.

Ramos imbikkem qal li, “dan kien Milied ikrah ħafna għalija. Kellna nidfnuhom mill-ewwel minħabba li d-dar tal-funerali ma setgħetx tilħaqna fil-bottega… it-toroq m’humiex aċċessibbli minħabba t-tifrik li hawn kullimkien”.

15-il tifun f’sena

Figuri uffiċjali juru li dan il-maltemp fil-Filippini ħalla madwar 405 persuna mejta, 1,147 oħra feruti u 83 persuna għadhom irrapportati nieqsa. Ġimgħat wara li seħħ it-tifun “Rai” aktar minn miljun persuna għadhom irrapportati li qegħdin jgħixu f’ċentri ta’ evakwazzjoni jew inkella għand ħbieb jew qraba.

“Rai” huwa l-isem internazzjonali li ngħata lil dan il-maltemp li laqgħat lill-Filippini. L-isem lokali għalih huwa “Odette”. Dan huwa l-15-il tifun li seħħ f’dan il-pajjiż f’perjodu qasir ta’ sena. Il-Filippini huwa pajjiż li jinsab f’żona fid-dinja fejn iseħħu ħafna tifuni u ta’ kull sena jesperjenzaw medja ta’ 20 maltempata. 

Wara d-devastazzjoni ta’ “Rai” il-Kummissjoni lokali għall-Bdil fil-Klima għamlet appell urġenti għall-għajnuna “bil-għan li tinbena sistema ta’ reżistenza għal avvenimenti ambjentali estremi ħalli tonqos il-ħsara u t-telf ta’ ħajjiet”.

Fi stqarrija li din il-Kummissjoni ħarġet ġimgħa ilu ngħad li, “hekk kif it-temperaturi globali qegħdin dejjem jiżdiedu, dawn l-avvenimenti ambjentali estremi u impatti ambjentali oħra qegħdin dejjem jiħraxu tant li għandna theddida quddiemna bħala nazzjon. Bħala pajjiż qegħdin naqgħu lura fl-iżvilupp minħabba f’hekk”.

Nies mejta taħt it-tiġrif tad-djar…

F’Bohol kien hemm ħafna mwiet irreġistrati kawża ta’ dan il-maltemp minħabba djar imġarrfa, vetturi maqluba u għargħar qawwi. Ħafna siġar u debris spiċċaw fit-toroq b’konsegwenza ta’ limitazzjonijiet kbar fl-immobbiltà f’sitwazzjoni kritika bħal din.

Ħafna mill-imwiet huma rrapportati li seħħu tul iż-żoni kostali li għerqu jew fejn iġġarrfu ħafna djar minħabba rjiħat qawwija ħafna. Mir-ritratti u filmati mxandra wieħed seta’ jara persuni jfittxu fit-tiġrif ta’ djarhom biex isibu xi affarijiet personali li kellhom qabel ma laqtithom din it-traġedja umanitarja.

Is-sitwazzjoni issa li għadda t-tifun hija xorta waħda kritika iżda, b’mod differenti. Għadd ta’ persuni rħewlha fit-triq prinċipali li tmur lejn Ubay, ħdejn il-bajja ta’ Bohol u bdew jgħajjtu “għinuna” lill-ajruplani u lill-ħelikopters li kienu qegħdin itiru fiż-żona f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ. 

Uffiċjali wissew li residenti f’żoni remoti kellhom skarsità ta’ ikel. Pajjiżi bħall-Istati Uniti, Kanada, iċ-Ċina u l-Korea t’Isfel diġà wegħdu li se jgħinu mentri l-Ġnus Magħquda talbet għal madwar €100 miljun bħala għajnuna lill-gvern tal-Filippini għas-sitt xhur li ġejjin.

Fatti:

* It-tifun “Rai” beda fit-12 ta’ Diċembru u spiċċa fit-22 ta’ Diċembru, 2021;

* Lokalment imsejjaħ “Odette” dan kien ċiklun tropikali li laqgħat lill-Filippini;

* Dan kien l-ewwel super tifun li seħħ fix-xahar ta’ Diċembru minn mindu seħħ in-“Nock-ten” fl-2016;

* 6.2 miljun persuna affettwati; 10 reġjuni milquta; u madwar 405 persuni mejta;

* It-tifun laħaq veloċità massima ta’ 235 kilometri s-siegħa;

* “Rai” ikkawża għargħar qawwi bejn is-16 u s-17 ta’ Diċembru fil-provinċji ta’ Dinagat Islands, Surigao del Norte, Southern Leyte, Bohol, Cebu, Negros Oriental u Palawan;

* Il-ħsara enormi kkawżata, iżda b’inqas imwiet, hija bħal dik li kien ikkawża t-tifun Haiyan fl-2013;

* L-għajnuna urġenti li għandhom bżonn hija ikel, ilma nadif, faċilitajiet sanitarji, xelter, affarijiet għall-iġene personali, affarijiet mediċi u għajnuna ġenerali biex jerġgħu lura għall-ħajja li kellhom qabel ma’ seħħ “Rai”;

* Il-ħsara fis-settur agrikolu tinkludi 80,000 ettari ta’ art fertili, 1.2 miljun bhejjem u tjur; kif ukoll 5,024 infrastrutturi agrikoli u apparat;

* Fl-24 ta’ Diċembru bdiet il-“Humanitarian Needs and Priorities for Typhoon Rai Response” biex jgħinu lil 530,000 persuna fl-aktar inħawi milquta ħażin mill-maltemp – Mindanao u Visayas;

* Bl-għajnuna ta’ madwar €100 miljun mill-Ġnus Magħquda se jipprovdu ikel, xelters tal-emerġenza, tranġar fis-sistemi ta’ komunikazzjoni u għajnuna lill-gvern lokali fost l-oħrajn;

* Fond ta’ €10.5-il miljun ieħor ġie approvat mis-Central Emergency Fund (CERF) għar-reġjun ta’ Caraga u Visayas b’20% minnhom għal nisa, tfal u persuni vulnerabbli;

* Riżorsi u għodda oħra qegħdin jingħataw bħala għajnuna lil organizzazzjonijiet mhux governattivi u msieħba oħra f’Palawan u nħawi fil-madwar li m’humiex taħt l-iskema ta’ għajnuna ta’ prijorità;

* F’rapport mill-Uffiċċju tal-Ġnus Magħquda għall-Kordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) jingħad li l-awtoritajiet lokali bdew jagħtu flus lill-komunitajiet affettwati u setturi oħra vulnerabbli f’Palawan.

Aqra iktar: It-tifun “Rai” fil-Filippini affettwa miljuni ta’ nies… Filippina fil-post tikkonferma l-ħerba li ħalla

Sport