Wednesday, April 24, 2024

Il-Pulizija b’appell mill-ġdid dwar messaġġi qarrieqa taparsi f’isem il-Maltapost

Aqra wkoll

Il-Pulizija mill-ġdid qiegħda tappella lill-pubbliku għal aktar attenzjoni, hekk kif fl-aħħar jiem żdiedu ir-rapporti ta’ persuni li waqgħu għal messaġġi qarrieqa, bil-konsegwenza li sfaw misruqin flus mill-kont bankarju tagħhom u anke informazzjoni personali.

Fl-aħħar jiem, ħafna persuni reġgħu qed jirċievu messaġġi taparsi qed jintbagħtu f’isem il-kumpanija MaltaPost, bil-pulizija qiegħda tirċievi medja ta’ 15-il rapport kuljum, u l-flus li nġibdu jammontaw għal eluf ta’ euro.

Fil-każ tas-scam f’isem l-opertur postali, il-vittmi qed jirċievu messaġġ u jiġu nfurmati li għandhom pakkett f’isimhom u jridu jħallsu miżata amministrattiva żgħira biex dan il-pakkett jintbagħat billi jagħfsu fuq ħolqa (link).

Imma ladarba l-vittmi jagħfsu fuq il-ħolqa, huma jiġu ppreżentati b’sit elettroniku falz li timita l-operatur postali u l-vittmi jintalbu jdaħħlu d-dettalji tal-karta tal-kreditu tagħhom u f’xi każijiet, il-vittmi jintalbu jdaħħlu password fejn wieħed qiegħed jaħseb li qed jawtorizza tranżazzjoni ġenwina ta’ ammont żgħir ta’ flus, iżda minflok il-frodisti, minnufih qegħdin jużaw din l-informazzjoni biex jieħdu ammont ferm akbar.

L-appell tagħna huwa biex dawn il-messaġġi jiġu injorati u mħassra immedjatament.

Sport