Wednesday, April 17, 2024

IL-POTER U L-ABBUŻ

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Kif rajna matul is-snin, waqt li l-poter hu meħtieġ biex l-affarijiet jitwettqu, l-eżerċizzju tiegħu irid ikun trasparenti u soġġett għal rendikont ċar ta’ kif tħaddem. Inkella jispiċċa illeġittimu u abużiv. B’xorti ħażin, dil-ħaġa sseħħ fostna fuq front wiesa’ u għad ma rnexxilniex insolvu l-problema. 

Aħna nafu biha imma tant drajna ngħixu biha li kważi ma ninnotawhiex aktar. Min iħares lejna minn barra x’aktarx isib li tispikka fostna ħafna aktar milli hu mdorri biha f’pajjiżu u f’imkejjen oħra. Li jservi ħafna aktar minn fatturi oħra biex jagħmlilna isem ħażin.

Hu żball li tassoċja dil-problema biss mal-politika u l-ħidma publika. Minkejja kull ma jippretendu wħud, hi mifruxa tista’ tgħid f’kull settur ekonomiku. Daqs kemm jeżisti l-poter politiku jeżisti wkoll dak tal-flus. Is-saħħa tiegħu tinħass fostna fil-fatt li waqt li daħħalna l-ekonomija tas-suq ħieles fit-tmexxija tal-pajjiż, il-funzjonijiet regolatorji li jmorru magħħha ħallejnihom bla snien, bħal fid-difiża tal-konsumatur u tal-ambjent.

***

MIN MA JRIDX JITLAQQAM

Dawk li ma jridux jitlaqqmu u jikkontestaw li ma jitħallewx jidħlu fi stabbilimenti publiċi minħabba f’hekk, jilmentaw li d-drittijiet bażiċi tagħhom qed jiġu kkalpestati.

Personalment inħoss li għalkemm veru li qed tiddaħħal sarima fuq id-drittijiet tagħhom, dan hu ġustifikat minħabba l-emerġenza sanitarja li d-dinja qed taffaċċja. Ir-rifjut tagħhom li jittaqqbu, qed iżid in-numru ta’ nies li jiġu infettati hekk li l-isptarijiet ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-ħidmiet l-oħra meħteġa tagħhom.

Biex tagħqad, uħud isostnu wkoll li l-urġenza tal-pandemija qed tiġi esaġerata minn konfoffa bejn politiċi, tobba u negozjanti tal-prodotti farmaċewtiċi.

Mistoqsija li qamet kienet din: Dawk li ma jridux jitlaqqmu, lesti jaqblu li jekk jiġu infettati u jkollhom problemi serji ta’ saħħa, huma ma jiddaħħlux fl-isptar? 

  Imma din ma tkunx soluzzjoni xierqa.

***

IT-TRE RE

Tlifna għal kollox it-tradizzjoni tat-Tre Re, il-festa li tiġi ġimgħa wara l-ewwel tas-sena u tikkommemora l-wasla mitika tas-slaten maġi mill-Persja fl-istalla fejn wara ġimagħtejn kien għadu jinżamm Ġesu Bambin. Talanqas hekk kienu jgħidulna meta kont tifel jien.

F’dawk is-snin, il-vaganzi tal-Milied li kien jibdew xi tliet ijiem qabel il-Milied kienu jispiċċaw mal-Maġi, ftit aktar minn ġimagħtejn b’kollox. Illum, kieku ma kinitx għall-imxija, l-iskejjel kienu jkunu fetħu t-Tnejn li għadda.

Ħabib tiegħi qalli kif m’hemmx għalfejn wieħed jilmenta li l-vaganzi tal-iskejjel naqsu matul is-snin għax filfatt żdiedu sew fuq kif konna nafuhom fi “żmieni”. Meta qalli hekk, ftakart kif imbagħad l-iskejjel kienu jagħlqu matul it-tieni ġimgħa ta’ Lulju, mentri llum, il-vaganzi tas-sajf jibdew ħafna qabel.

Ekonomija

Sport