L-isprinter ta’ Pembroke Athleta Graham Pellegrini kiseb l-aqwa ħin Malti għal din is-sena fuq id-distanza tal-100m meta rebaħ it-tellieqa ta’ Challenge Meeting 5 fi tmiem il-ġimgħa f’ħin ta’ 10.69s. Huwa għaqqad doppjetta personali meta rebaħ anke l-200m f’21.77s, 0.02 sekondi qabel Jordan Pace ta’ Savio.
Fl-isprints tan-nisa kompliet it-taqtigħa bejn Claire Azzopardi u Thea Parnis Coleiro fejn tal-ewwel rebħet kemm il-100m u l-200m. Fil-100, l-atleta ta’ Pembroke temmet quddiem f’11.62s, bl-atleta ta’ Rush AC tikseb ħin ta’ 11.80s. Dan il-ħin kien l-aqwa wieħed tal-istaġin għal Azzopardi, għalkemm ġie reġistrat waqt riħ ogħla mil-limitu. Fil-200m, hija reġgħet spiċċat l-ewwel f’23.89s, b’Parnis Coleiro twaqqaf l-arloġġ f’24.24s.
Waqt il-meeting kien hemm numru ta’ prestazzjonijiet tajbin minn atleta żgħażagħ fosthom l-aqwa ħin nazzjonali (15.17s) taħt is-16-il sena għal Thomas Neil Attard fil-100m hurdles. L-istess kisba għamilha Matteo Gauci ta’ La Salle fit-800m, meta temm f’1:59.88 wara sieħbu tal-istess tim Julian Zarb, li rebaħ f’1:55.60.
Fit-tfigħ, żewġ prestazzjonijiet tajbin għal żewġ atleti ta’ Rush AC, b’Sophia Curmi twaddab il-hammer (3kg) għal distanza ta’ 53.36m, filwaqt li Kareem Luca Chouhal irreġistra 51.65m, b’hammer ta’ 7.26kg.
Fi tmiem il-ġimgħa li ġejja, wieħed mill-appuntamenti ewlenin fl-istaġun atletiku Malti, bl-organizzazzjoni tal-Kampjonati Nazzjonali taż-Żgħażagħ fl-istadium tal-Marsa. Din il-kompetizzjoni sservi biex l-atleti jissieltu mhux biss għall-unur maġġuri tal-istaġun fil-kategorija rispettiva iżda wkoll biex ikomplu jfittxu li jilħqu l-istandards għall-avvenimenti internazzjonali tal-bqija tal-istaġun.

