Minn Cristian Muscat
Meta Floriana FC reġgħu telgħu fuq il-quċċata tal-futbol Malti, wara staġun intensiv u mimli emozzjoni, is-sensazzjoni kienet waħda ċara fil-kamp tal-Greens: dan is-suċċess ma kienx ġej b’kumbinazzjoni.
Wara r-rebħa drammatika ta’ 2-1 fil-Finalissima tal-YoHealth Malta Premier kontra Marsaxlokk FC quddiem aktar minn 6,000 spettatur fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, wieħed mill-vuċijiet ewlenin wara l-kwinti kien Manolito Micallef.
Micallef li hu kollaboratur tekniku tal-Greens, tkellem b’mod emozzjonanti dwar il-vjaġġ li wassal għat-titlu. Għalih, dan ma kienx biss kampjonat ieħor imma l-konferma ta’ proġett mibni fuq strutturi ġodda, dixxiplina u għaqda sħiħa.
“Suċċess inkredibbli, rebħa meritata. Marsaxlokk kienu aħjar f’ċerti mumenti, imma r-reazzjoni tagħna kienet mill-aqwa,” qal Micallef. “L-iktar ħaġa b’saħħitha kienet l-għaqda bejn il-plejers u l-istaff tekniku. Is-sessjonijiet matul il-ġimgħat kienu ta’ kwalità għolja u intensivi ħafna, u dak għen biex wasalna għal riżultati pożittivi.”
Il-bidla fil-mentalità u fl-istruttura kienet evidenti minn kmieni. Floriana daħlu fl-istaġun b’kumitat tekniku ġdid, plejers ġodda Maltin u barranin, kif ukoll staff ġdid inkluż coach u match analyst. Skont Micallef, din il-bidla kompliet issaħħaħ il-proġett.
“Dawn il-plejers u l-istaff tekniku ġew maħtura kollha mill-bidu. Il-president Johan Said u l-kumitat għamlu xogħol kbir. Qabel beda l-kampjonat irnexxielhom jiffurmaw skwadra ġdida kompletament, u dan kien fundamentali għas-suċċess li ksibna.”
Fil-Finalissima, Floriana sabu ruħhom taħt pressjoni kmieni meta Marsaxlokk fetħu l-iskor wara l-ewwel nofs ta’ logħba fejn anke l-kundizzjonijiet tar-riħ kienu kontra tagħhom. Iżda r-reazzjoni kienet immedjata u determinata.
“Fl-ewwel taqsima kien hemm ir-riħ kontrina u Marsaxlokk kellhom wirja tajba ħafna. Huma tim validissimu,” kompla Micallef. “Imma fit-tieni taqsima rranġajna mill-ewwel.
Meta tiġi gowl minn taħt fil-finali, importanti li kif jgħidu ma tarmix ix-xugaman. Aħna nemmnu li dejjem tista’ ddawwar il-partita.”
Il-logħba nnifisha kienet mimlija tensjoni u mumenti drammatiċi, speċjalment lejn l-aħħar minuti. Kenan Dervišagić skorja l-gowl tar-rebħa fil-ħin miżjud iżda fetaħ diskussjoni kbira dwar il-validità tiegħu, b’Marsaxlokk jipprotestaw li ma kienx hemm kuntatt ċar mal-ballun fil-cross ta’ Carlo Zammit Lonardelli.
“Il-logħba dejjem iġġib piż u deċiżjonijiet diffiċli. Fl-aħħar mill-aħħar, il-kampjonat mar fejn kien jixraq li jmur, għand tim li kien konsistenti mill-bidu sal-aħħar,” sostna Micallef.
Dan kien is-27 kampjonat fl-istorja ta’ Floriana FC, ritorn għall-glorja li l-klabb ilu jistenna għal sitt snin. Huwa wkoll l-ewwel titlu mill-istaġun 2019/20, meta Floriana kienu ngħataw il-kampjonat wara li twaqqaf minħabba l-pandemija tal-COVID-19.
“Floriana wera ruħu konsistenti bħala tim. Mill-bidu sal-aħħar konna hemm. U fl-aħħar ir-riżultat wasal fejn kellu jasal,” qal Micallef b’ċertu kburija.
Issa, il-ħsieb jdur fuq sfida oħra ferm differenti iġifieri l-Ewropa. Floriana se jerġgħu jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA, inkluż l-UEFA Europa Conference League, u Micallef jara dan bħala opportunità importanti iżda wkoll sfida kbira.
“Ftit ġimgħat oħra nibdew staġun ġdid u għal kull plejer din hi l-ħolma, li tilgħab fil-Champions League jew fl-Ewropa. Hija opportunità li rridu nħarsu lejha b’responsabbiltà. Jekk inżommu l-armonija li kellna, nemmen li nistgħu niksbu riżultati pożittivi.”
Din il-bidla minn plejer għal membru fil-kumitat tekniku kienet waħda naturali għal Micallef, li ilu snin twal involut fil-futbol Malti u jifhem sew id-dinamika tal-logħba kemm fuq kif ukoll barra l-grawnd. Hu stess ammetta li l-adattament ma kienx faċli fil-bidu, iżda l-ambjent ta’ Floriana għenu biex jidħol f’dan ir-rwol ġdid b’kunfidenza u motivazzjoni.
“Meta tieqaf tilgħab, tibda tara l-logħba minn perspettiva differenti,” qal. “Issa qed naħdem aktar fuq id-dettall, fuq l-istruttura tat-taħriġ u anke fuq kif il-plejers jirreaġixxu f’sitwazzjonijiet differenti matul il-logħba. Dan huwa xogħol li jagħtik ħafna sodisfazzjon.”
Taħt it-tmexxija ta’ Daniel Portela, Micallef qed ikollu wkoll rwol importanti fil-komunikazzjoni bejn il-kowċing staff u l-plejers, fejn jgħin biex il-messaġġ tekniku jiġi tradott f’realtà fuq il-grawnd. Huwa jemmen li din il-koeżjoni hija parti kruċjali mis-suċċess tal-istaġun li għadda.
“Il-futbol modern jitlob organizzazzjoni u dettall. Kull sessjoni ta’ taħriġ għandha skop ċar, u kull plejer jaf x’qed jiġi mitlub minnu. Dak hu li jagħmel differenza fil-mumenti importanti.”
Micallef enfasizza wkoll l-importanza li jiġi żviluppat talent żagħżugħ fi ħdan il-klabb, billi Floriana għandhom tradizzjoni li jħaddnu plejers żgħażagħ u jagħtuhom opportunità fuq livell għoli.
“Jekk irridu nibnu futur b’saħħtu, irridu ninvestu fiż-żgħażagħ. Hemm talent kbir f’Malta, u xogħolna hu li nagħtuh il-pjattaforma biex jikber u jimmatura.”
Dan il-pass ġdid fil-karriera tiegħu qed juri li Micallef mhux biss qed jikkontribwixxi għas-suċċess preżenti ta’ Floriana, iżda wkoll għall-bini ta’ pedament għall-futur tal-klabb.
Huwa saħaq ukoll li l-esperjenza li qed jinġabar minn dan il-proġett tista’ tkun fundamentali għat-tkabbir tal-klabb fit-tul.
“Meta jkollok grupp magħqud, staff tekniku organizzat u tmexxija ċara, il-futbol jagħtik lura. Din l-esperjenza qed turina li xogħol kontinwu u paċenzja jwasslu għas-suċċess.”
Wara staġun fejn Floriana għelbu sfidi, pressjoni u anke kontroversja, il-messaġġ ta’ Micallef jibqa’ wieħed ċar: is-suċċess huwa riżultat ta’ struttura, għaqda u twemmin fil-proġett.
U hekk kif il-Greens jibdew iħarsu lejn l-Ewropa, il-frażi li tispikka minn kliemu hija waħda sempliċi iżda qawwija, “dan huwa biss il-bidu.”

