Sunday, December 22, 2024

Il-pumpiera jsalvaw teenager u kelb li sabu ruħhom f’diffikultà f’għadira tas-silġ f’Londra

Aqra wkoll

It-tim tat-tifi tan-nar f’Londra, reġa’ ħass il-bżonn li jappella lin-nies sabiex jevitaw li jimxu fuq għadajjar tas-silġ. Dan wara li fl-aħħar sigħat il-pumpieri ġew imsejħa sabiex isalvaw teenager u kelb li sabu ruħhom f’diffikultà f’għadira tas-silġ f’Whipps Cross Road f’Leytonstone.

“Li tmur timxi f’għadajjar tas-silġ huwa ta’ periklu kbir. Qatt tassumi li s-silġ huwa b’saħħtu biżżejjed biex jifilħek. Għalkemm jaf jidher li hemm sapport biżżejjed, normalment ma jkunx, u l-ħxuna tiegħu taf tvarja iktar ma titbiegħed mit-truf,” fisser wieħed mill-uffiċjali. Huwa jkompli jgħid li jekk taqa’ f’għadira jew xmara tas-silġ, għandek riskju kbir li tmut kawża tal-kesħa.

Ta’ min ifakkar li każ simili seħħ madwar xahar ilu, propju fil-11 ta’ Diċembru li għadda fejn erbat itfal kienu sabu ruħhom f’diffikultà wara li waqgħu fi xmara tas-silġ f’Babbs Mill Park, qrib Birmingham. F’din it-traġedja tilfu ħajjithom erba’ subien fl-età ta’ 11, 10, 8 u 6 snin.

Lura f’Diċembru, il-West Midlands Ambulance Service qal li t-tfal sofrew minn ‘cardiac arrest’ meta ġew salvati. L-uffiċċju metereoloġiku tal-pajjiż kien wissa dwar ir-riskji tas-silġ hekk kif ir-Renju Unit qed jaffaċċja perjodu kiesaħ.

L-istess uffiċjal qal li fix-xogħol tagħhom sfortunatament jiltaqgħu ma’ numru konsiderevoli ta’ persuni li jpoġġu ħajjithom fil-periklu biex jippruvaw isalvaw lil xi annimal domestiku li jkun spiċċa maqbud, bil-konsegwenza li l-istess persuni flimkien mal-annimali li jkunu pruvaw isalvaw ikunu jeħtieġu l-għajnuna tal-pumpieri.

Għaldaqstant, l-uffiċjali tat-tifi tan-nar jixtiequ jfakkru l-pubbliku li l-membri tagħhom huma mħarrġa biżżejjed u għandhom it-tagħmir meħtieġ sabiex isalvaw lil dawk li jsibu ruħhom f’diffikultà “fuq jew ġo għadira/xmara tas-silġ”. Intant, jisħqu sabiex dawk kollha li jilmħu lil xi persuna jew annimal li jkunu jeħtieġu l-għajnuna, għandhom jikkuntattjaw lill-pumpiera minflok ma jissugraw ħajjithom u jmorru biex isalvawhom huma.

Ekonomija

Sport