Friday, December 20, 2024

Il-“qaddis” tal-Internet

Aqra wkoll

L-ewwel ġuvnott mill-ġenerazzjoni tal-millennju ġie bbeatifikat għax kien iwassal il-Kelma t’Alla online

Minn Carmen Cachia

Carlo Acutis, l-adoloxxenti Taljan li miet bil-lukimja fl-2006 fl-età tenera ta’ 15-il sena, huwa mistenni li jsir l-ewwel qaddis tal-Knisja Kattolika li twieled fil-perjodu tal-ġenerazzjoni tal-millennju. Il-ġuvnott, li kien magħruf għall-ħidma tiegħu li jwassal il-Kelma t’Alla fuq l-Internet, kien żagħżugħ normali li jħobb il-Playstation, jagħmel vidjows tal-klieb, jilbes in-Nike u l-jeans, kellu mowbajl u indirizz elettroniku.

Iċ-ċerimonja tal-beatifikazzjoni tiegħu saret dan ix-xahar fil-belt ta’ Assisi u issa jinsab pass wieħed ‘il bogħod mis-santità.  Acutis, li ġibed l-attenzjoni b’pubblikazzjonijiet online ta’ mirakli kif ukoll għen fix-xogħol ta’ websites ta’ organizzazzjonijiet Kattoliċi, huwa każ eċċezzjonali fl-istorja tal-Knisja Kattolika Rumana minħabba li jekk jiġi ddikjarat qaddis, huwa se jkun wieħed mill-ftit tfal u żgħażagħ qaddisin fil-lista tagħha.

Magħruf bħala l-patrun tal-Internet, Acutis se jkun ikkonsidrat biex isir qaddis wara li l-Vatikan irrikonoxxa miraklu bl-interċezzjoni tiegħu fejn salva l-ħajja ta’ tifel ieħor. Il-Knisja qiegħda tisħaq li Acutis fl-2013 mill-ġenna, fejjaq tifel Brażiljan li kellu marda rari fil-frixa.

Fiċ-ċerimonja tal-beatifikazzjoni tiegħu, li saret fil-Bażilika ta’ San Franġisk t’Assisi, tpoġġa ritratt tiegħu u dawk li kienu miġbura kollha faħħru x-xogħol pastorali li kien għamel tul il-ħajja qasira tiegħu.

Il-Kardinal Agostino Vallini fiċ-ċerimonja qal li, “Carlo uża l-Internet bħala mezz li jwassal il-kelma t’Alla bil-għan li jilħaq kemm jista’ jkun nies”. Kelliem għall-Knisja, Enzo Fortunato, f’intervista qal li jista’ jkun li ż-żgħażagħ jiddejqu bil-mod tradizzjonali li timxi bih il-Knisja Kattolika u dan minkejja li din l-istituzzjoni tul is-snin għamlet l-almu tagħha biex tkun aktar kontemporanja. Huwa żied jgħid li l-Mulej fl-istorja umana dejjem għamel interventi divini u jagħti gwida bil-mezzi kollha biex jilħaq lill-bniedem.

Biex Acutis isir qaddis, il-Vatikan irid jikkonferma miraklu ieħor attribwit lilu. Minkejja dan, fl-imħodddi l-Papa Franġisku ġieli ma rax il-ħtieġa għat-tieni miraklu biex jiddikjara lil xi ħadd qaddis. 

Il-Kelma t’Alla elettronika…

Acutis twieled f’Mejju tal-1991 f’Londra u l-ġenituri tiegħu kienu Taljani. Il-familja wara xi żmien irritornat l-Italja u marret tgħix f’Milan fejn fil-fatt it-tifel qatta’ l-maġġorparti ta’ ħajtu f’din il-belt.

Aktar kmieni din is-sena, ommu Antonia Salzano kellha intervista mal-“Corriere della Sera” fejn sostniet li binha dejjem kellu ġibda lejn affarijiet reliġjużi u sagri. Iż-żagħżugħ kien iħobb ħafna l-kompjuters u huwa rrapportat li ta’ disa’ snin tgħallem waħdu jipprogramma l-kompjuters u juża l-programm ta’ disinjar grafiku.

Is-Sinjura Salzano qalet li binha kien ikkonsidrat bħala l-ġenju tal-kompjuters u f’ħajtu, minflok qagħad jitkellem ma’ sħabu jew jilgħab online, Acutis ħa ħsieb il-websites tal-organizzazzjoni Kattoliċi tal-lokalità kif ukoll ħoloq xi siti tiegħu stess. Fix-xhur ta’ qabel mewtu, Acutis beda jelenka online l-mirakli. Bħala tfajjel huwa ried juri li hemm modi pożittivi ħafna kif wieħed jista’ juża l-Internet.

Fl-istess ħin, dan il-ġuvnott huwa rrapportat li kien ukoll konxju tal-perikli li ġġib magħha t-teknoloġija, suġġett li rrefera għalih il-Papa Franġisku meta s-sena l-oħra tkellem dwar dan iż-żagħżugħ. Il-Papa qal li, “Acutis ra li ħafna żgħażagħ riedu jkunu differenti iżda fil-verità dawn dejjem kienu jispiċċa bħall-bqija tal-massa… fejn kulħadd jintilef f’mekkaniżmi ta’ konsumeriżmu u distrazzjoni”.

Dan il-beatifikat kien involut ukoll f’xogħol tal-karità u nefaq minn butu stess biex jgħin lill-persuni fil-bżonn fil-komunità tiegħu. Barra minnhekk, Acutis anke kien volontier fil-postijiet fejn iqassmu l-ikel b’xejn lill-fqar, magħrufa bħala s-“soup kitchens” f’Milan.

Ommu kkonfermat dawn l-karatteristiċi ta’ binha u żiedet tgħid li bil-flus li kien iġemma’, huwa kien jixtri sleeping bags għal dawk bla saqaf fuq rashom u li filgħaxijiet kien jixtrilhom xi ħaġa sħuna x’jixorbu.

Il-mewt tiegħu kienet biss il-bidu

Wara li Acutis miet bil-marda kiefra tal-lukimja, id-Djoċesi ta’ Assisi għamlet petizzjoni lill-Vatikan biex tirrikonoxxih bħala qaddis. Id-djoċesi għamlet riċerka fl-emails tat-tfajjel kif ukoll fix-xogħol li kellu fuq il-kompjuter u għamlu għadd ta’ intervisti li dawk li b’xi mod kellhom kuntatt miegħu. 

Sadanittant bdew jistennew li jseħħ miraklu. Ommu qalet li kienet ikkuntatjata minn ħafna persuni minn madwar id-dinja kollha biex jgħidulha li qalgħu miraklu grazzi għat-talb li għamlu lil binha fosthom każi ta’ infertilità u kanċer. Fi Frar il-Papa Franġisku attribwixxa miraklu ta’ fejqan ta’ tifel li kellu kuntatt ma’ qmis ta’ Carlo Acutis.

Għalkemm dan il-ġuvni għadu kemm ġie bbeatifikat u mhux neċessarjament ikun iddikjarat qaddis, huwa diġà fenomenu globali. Li jagħmlu persuna daqshekk straordinarju huwa l-fatt li kien żagħżugħ normali. B’dan il-mod il-Knisja qiegħda turi lill-fidili tagħha li kull ma jridu jagħmlu huwa li jieħdu eżempju minnu għax dan il-beatifikat huwa bniedem bħali u bħalek.

Il-ġisem ta’ Acutis tpoġġa għall-qima fi knisja fl-inħawi ta’ Assisi liebes il-jeans, flokk tipiku taż-żgħażagħ u ma jonqosx iż-żarbun tad-ditta Nike li tant kien iħobb. Dan il-ġuvni modern u eżemplari ma kienx xi mexxej politiku kbir jew xi espert magħruf tat-teoloġija, imma pjuttost persuna normali li b’dedikazzjoni kbira kien iwassal il-Kelma t’Alla bl-istil modern tiegħu. 

Din il-passjoni kbira tiegħu biex jagħmel id-dinja li ngħixu fiha waħda aħjar għall-umanità permezz ta’ mezzi elettroniċi hija pass importanti mill-Knisja u ta’ min jammirah. Il-Papa Franġisku ddeskriva l-Internet bħala “rigal mingħand Alla” fejn qal li Acutis huwa ta’ eżempju tajjeb għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar.

Huwa qal li, “kulħadd jitwieled oriġinali iżda ħafna nies imutu bħala fotokopji. Tħallux dan jiġri lilkom”. Is-Santità tiegħu kiteb fuq Twitter li l-eżempju ta’ dan il-ġuvni beatifikat juri li l-vera mħabba nsibuha meta npoġġu lil Alla fl-ewwel post u meta nservu lilu u lil ħutna, b’mod speċjali dawk batuti.

Ekonomija

Sport