Sunday, May 5, 2024

Films: Il-ħalliel li ried isir onest

Aqra wkoll

Minn Mario A. Azzopardi

Meta 12-il sena ilu, Liam Neeson ħadem il-film “Taken”, il-karriera ta’ Liam Neeson ħadet żvolta ġdida.  L-istess karattru bdejna narawh f’diversi films apparti fiż-żewġ sequels li ġew wara “Taken”.  Illum li għandu 68 sena, Liam Neeson ma qatax qalbu minn dawn il-karattri u għamel dawn il-pulp thrillers li jidher fihom f’ġeneru għalihom.  F’kull wieħed minn dawn il-films tħoss li l-karattru għandu ċertu rabja tbabbaq ġo ġismu imma fl-istess ħin jurik li ma jiddejjaqx jesprimi ċertu manjieri tajba.

F’“Honest Thief” Liam Neeson għandu l-parti ta’ Tom Carter.  Huwa jkun ħalliel li wettaq 12-il serqa fi tmien snin.  Kull serqa kienet ippjanata u mwettaq b’mod metakoluż.  Fil-mira tiegħu, dejjem hemm banek f’bliet żgħar, b’kmamar tas-sigurtà li huma qodma.  L-istrateġija tiegħu hi li jidħol ġol-bank mill-ventilatur tal-air-conditioning.  Jippenetra l-bank nhar ta’ Ġimgħa meta jkun xi tmiem il-ġimgħa xi ftti twil.  L-identità tibqa’ mistura u jiġi mlaqqam ‘In and Out Bandit’.  Minn dawn is-serqiet ikun tella’ $9 miljun fi flus misruqa, liema flus jitħallew moħbija.

Tom jiltaqa’ ma’ Annie (Kate Walsh) u jsir iħobbha.  Jiġru ċirkustanzi li Tom ma jistax ikompli jaħbi aktar lil Annie x’kien jagħmel fis-snin imgħoddija.  Tom jipproponi li jibda ħajja ġdida billi jipprova jilħaq ftehim mal-FBI: ikun lest jirritorna l-flus kollha li seraq bil-kundizzjoni li jingħata sentenza ta’ ħabs imnaqqsa ħafna ħalli jkun jista’ jgħix bil-kwiet ma’ Annie.

L-FBI tafda l-każ f’idejn l-aġenti Nivens (Jai Courtney) u Hall (Anthony Ramos).  Huma ma tantx ikun jimpurthom mill-intenzjonijiet tajba ta’ Tom għax huma jaraw dan il-każ bħala opportunità fejn jistgħu jagħmlu kemxa tajba għalihom.  Il-problema hi li ma jaqbillekx tilgħab ma’ Tom!

Kull min hu familjari mal-films ta’ Liam Neeson ta’ dawn l-aħħar 12-il sena, mhuma ser jara xejn ġdid.  Fl-istess waqt, wieħed irid jgħid li d-direttur Mark Williams jiżviluppa dan it-thriller b’mod effiċjenti.

Kate Walsh tidher fil-parti ta’ Annie.  Għandha karattru żviluppat mhux ħażin bħalha waħda li turi reżiljenza u ma toqgħodx lura milli tistaqsi għall-motivi vera ta’ Tom.

“Honest Thief” (Signature Entertainment: 15) iddebutta fit-teatri Amerikani fi tmiem il-ġimgħa li għadda.  Kellu dħul $3.7 miljun.  Ċifra bħal din kienet tkun allarmanti qabel bdiet il-pandemija.  Fir-realtà, hi waħda mill-anqas ċifri anke f’dawn l-aħħar ġimgħat. 

Fit-tieni post tal-box office Amerikana nsibu “Tenet” li wara seba’ ġimgħat id-dħul mit-teatri Amerikani ilaħħaq $50.6 miljun.  Anke din hi ċifra allarmaneti għall-film li sewa $205 miljun biex inħadem.  Iċ-ċifra mill-box office globali hi ta’ $334 miljun.  Meta tqis iċ-ċirkustanzi, “Tenet” mar relattivament tajjeb immens fil-pajjiżi barra mill-Istati Uniti.

Fit-tielet post tal-box office Amerikana ta’ tmiem il-ġimgħa li għadda insibu l-film komiku ta’ Robert De Niro, “War With Grandpa”.

Carmilla

Fi Spazju Kreattiv il-Belt, din il-ġimgħa ser ikun qed jintwera il-film art-house “Carmilla”.  Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Emily Harris.  “Carmilla” (Altitude Film: 15) hu ispirat min-novella dwar vampira lesbjana maħluqa mill-kittieb Irlandiż Sheridan La Fanu.  Din l-istorja inkitbet fl-1871, jiġifieri 26 sena qabel Bram Stoker ħareġ b’Dracula.

Il-film ilaqqana ma’ Lara (Hannah Rae), tfajla ta’ 15-i sena li tgħix ma’ misierha (Tobias Menzies) u l-governanta stretta tagħha, Miss Fontaine (Jessica Raine).  Huma jkunu jgħixu f’iżolazzjoni totali.  Lara tkun għaddejja min perjodu fejn tkun qed tissielet biex issib żbokk għall-kurżità tagħha u għas-sesswalità li qed tiżdied.

Iseħħ aċċident qrib id-dar tagħhom, fejn is-sewwieq tal-karozza miġbuda miż-żiemel imut imma t-tfajla tkun taħt xokk u tittieħed fid-dar biex tistejqer. Lara tissaħħar fuqha u ssejħilha Carmilla (Devrim Lingnau).

Viżwalment, il-film hu nteressanti.  Imma l-interess jinħoloq fix-xeni fejn jidhru flimkien Hannah Rae u Devrom Lingnau.  B’kuntrast, Jessica Raine tħalli impressjoni b’saħħitha bħalha l-persuna strettissima.  Dan il-kuntrast jgħidilna ħafna, ġo film fejn id-direttur Emily Harris hi kawta x’turina.  Id-direttur tidher li riedet tati nifs ġdid lil din l-istorja b’orġini gotika dwar kif is-soċjetà tista’ tħares lejn il-passjoni li żewġ nisa ikollhom għal xulxin.  Fl-istess ħin id-direttur qisha toqgħod ftit ’l bogħod milli tiżviluppa b’mod komplet din it-tema.

Sport