Saturday, December 21, 2024

“Il-qalba ambjentali hi l-aqwa opportunità ekonomika li twassalna biex naslu lejn il-livell li jmiss – Pajjiż ta’ kwalità”

Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura l-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Bank of Valletta Centre

Aqra wkoll

“Dan il-proġett huwa pass kruċjali lejn it-tisħiħ tal-istandards fl-effiċjenza fl-enerġija. Din hija l-mentalità li nemmen fiha. L-enfasi lejn is-sostenibbiltà li tagħti kwalità.” Kien b’dan il-mod li l-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva l-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Bank of Valletta Centre, f’Santa Venera, waqt l-inawgurazzjoni fejn matulha Dr Abela kellu l-opportunità wkoll li jiltaqa’ mat-tmexxija tal-istess Bank u jdur l-investiment li sar.

Fl-indirizz tiegħu, il-prim ministru spjega l-importanza ta’ proġetti ta’ dan it-tip u għalhekk ir-responsabbiltà li għandu s-settur finanzjarju biex ikun katalist b’finanzjament lejn il-qalba ekoloġika. “Insaqsi – il-kundizzjonijiet li bank jagħti f’self għal xi ħadd li qed jibni blokka appartamenti mingħajr enfasi lejn l-effiċjenza fl-enerġija, dawn għandhom ikunu l-istess għal xi ħadd li qed jibni l-istess blokka b’ħarsien u attenzjoni għall-effiċjenza fl-enerġija?,” sostna l-prim ministru.

Intant, il-Prim Ministru Robert Abela għamel aċċenn għad-direzzjoni lejn il-kwalità, li qed jagħti l-Budget li tħabbar għas-sena d-dieħla. Dan fost oħrajn ukoll bid-deċiżjoni tal-gvern li jikkontribwixxi fil-pensjoni privata tal-ħaddiema tiegħu. “Din hija miżura li se tfisser opportunità tad-deheb biex f’pajjiżna nespandu niċċa finanzjarja li ħloqna bħala gvern sa mill-2016, – in-niċċa tal-pensjonijiet privati. Niċċa li barra li se twassal għal dħul akbar għall-ħaddiema tagħna meta jirtiraw, tfisser ukoll li se noħolqu fondi kbar ta’ tfaddil għat-tul li jistgħu jiġu investiti għall-progress ta’ pajjiżna,” sostna Dr Abela hekk kif spjega li dan se jkompli jagħmilha possibbli biex pajjiżna jiffoka aktar fuq il-kwalità tal-investiment u b’hekk futur sostenibbli.

Hekk kif temm id-diskors tiegħu, il-prim ministru mill-ġdid esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-investiment propju fil-ħamsin sena anniversarju tal-Bank. “Dik il-fiduċja llum għadha hemm u b’saħħitha f’bank Malti serju. Awguri mhux biss għal ħamsin sena oħra ta’ servizz u xogħol fis-settur finanzjarju iżda għal aktar snin ta’ ħidma. Ħidma li ħafna minnha propju titwieled minn din il-bażi riġenerata li qed ninawguraw illum”, temm jgħid Dr Abela.

Waqt iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni, indirizza wkoll lil dawk preżenti l-Kap Eżekuttiv tal-Bank Kenneth Farrugia li rringrazzja lill-impjegati li matul dawn is-sentejn u nofs li dam għaddej il-proġett, ikkollaboraw sabiex l-operat tal-Bank seta’ jibqa’ għaddej mingħajr xkiel. Spjega wkoll li llum kważi 40% tal-impjegati jistgħu jaħdmu b’mod remot mhux bilfors mill-uffiċċju. Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-BOV Gordon Cordina tenna li dan l-investiment jirrifletti l-impenn tal-Bank li mhux biss iħares lura lejn l-istorja ta’ suċċess, iżda jimpenja ruħu li jkompli jiġġedded u jaddatta għall-ħtiġijiet dejjem jevolvu tas-settur finanzjarju.

Ekonomija

Sport