Iż-żgħażagħ dejjem kienu, għadhom u se jibqgħu ta’ prijorità għal dan il-Gvern. Il-kontribut tagħhom huwa kruċjali fit-tfassil ta’ Malta tal-lum u ta’ għada. Huwa għalhekk li l-Gvern jibqa’ impenjat li jinvesti b’mod kontinwu fihom u fil-potenzjal tagħhom. Fuq kollox, il-Gvern qiegħed iħares lejn iż-żgħażagħ bħala l-mutur ewlieni li permezz tiegħu dan il-pajjiż jista’ jkompli jinbidel u jirriforma ruħu għall-aħjar.
Dan is-sentiment kien espress ukoll mill-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa oħra tal-Youth Advisory Forum li saret fil-jiem li għaddew f’Kastilja. Laqgħa li fiha ġie diskuss il-Budget għas-sena d-dieħla, bil-Prim Ministru jenfasizza l-importanza tal-involviment taż-żgħażagħ bħala xprun għal perspettivi oġġettivi u ideat friski. Dan aktar u aktar jorbot mal-fatt li l-Gvern issa jinsab f’pożizzjoni li jimbotta politika li tagħti aktar prijorità lill-kwalità fuq il-kwantità.
Aspett ewlieni f’dan il-Budget kien l-attenzjoni li ngħatat mill-Gvern biex jgħin liż-żgħażagħ jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom. B’mod partikolari bit-tkomplija u t-tisħiħ tal-iskema tal-First Time Buyers, inizjattivi li joffru opportunità sabiex iż-żgħażagħ isiru sidien ta’ darhom.
Aspett ieħpr li ngħata prijorità fil-Budget għas-sena d-dieħla kien dak tal-benesseri taż-żgħażagħ. Anke hawn, il-Gvern qed jagħraf l-importanza tal-attività fiżika kemm għas-saħħa mentali u anke dik fiżika. Għalhekk se jkun qiegħed ikopri l-ewwel sitt xhur ta’ sħubija f’gym għaż-żgħażagħ li twieldu bejn l-2005 u l-2007. Inizjattivi ta’ din ix-xorta, flimkien ma’ oħrajn li ġew imħabbra, juru b’mod mill-aktar ċar kemm il-Gvern qed jagħti widen għal-l-vuċijiet tagħhom.
Tassew li għandu jkun hemm iktar involviment aktar b’saħħtu min-naħa taż-żgħażagħ. Nemmnu li huwa essenzjali li dawn ma jersqux biss lejn il-politika permezz tal-vot tagħhom, imma billi jieħdu rwol attiv kemm fuq livell lokali imma wkoll nazzjonali u Ewropew.
Dan kollu huwa neċessarju biex noħolqu Malta fejn iż-żgħażagħ huma attivi u fejn iż-żgħażagħ huma ċentrali. Dan kollu huwa neċessarju biex iż-żgħażagħ ikunu strumentali fit-tfassil ta’ Malta ambizzjuża, Malta b’saħħitha u Malta li tkompli teċċella.