Il-vjolinista Samuel Cutajar ġie ddikjarat bħala r-rebbieħ tal-ewwel edizzjoni tal-programm Brillanti li kien qed jixxandar fuq l-istazzjon tat-televiżjoni lokali ONE TV. Din il-produzzjoni kienet qed tiġi ppreżentata minn Joseph Chetcuti u kienet qed tixxandar kull nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija.
Cutajar rebaħ is-somma sabiħa ta’ €10,000 u anke l-opportunità unika li jdoqq ma’ orkestra barranija u professjonali fejn prattikament kollox se jkun imħallas u dan grazzi għall-Fundazzjoni Ewropea għas-Sapport tal-Kultura.
Din kienet ħolma li saret realta’ għal Samuel Cutajar anke għax il-flus li rebaħ se jkunu qegħdin jgħinuh finanzjarjament sabiex fis-sena 2023 jistudja fir-Royal Academy of Music ta’ Londra. Sadanittant hu se jerġa’ jagħmel żewġ tours oħra mal-Unjoni Ewropea għall-mużiċisti żgħażagħ wara li riċentement kien qed jagħmel xi provi fil-belt kapitali Ingliża Londra ma’ Trinity.
Sadanittant f’din il-finali Julian Azzopardi spiċċa fit-tieni post u rebaħ €2,000 filwaqt li warajh spiċċaw Kristy Spiteri, Daniel Caruana u Georg Zammit li rebħu l-premju ta’ €1,000 kull wieħed.
Dan is-sit tkellem ma’ Samuel Cutajar li kien ferm eċitat wara din ir-rebħa li hu sejħilha bħala waħda prestiġġjuża. Iżda kien qed jistenna li fl-aħħar mill-aħħar kien se joħroġ rebbieħ?
“Biex ngħidlek il-verità kont qed nistenna li mmur tajjeb f’dan il-kuntest minħabba li ħdimt ħafna għalih sabiex niġi fuq quddiem. Ċertament qatt ma qist ruħi bħala favorit minħabba li kien hemm kompetizzjoni ħarxa. Forsi kont qed naħseb għat-tieni post iżda meta bdejt nara li nista’ navvanza iktar, tajt il-mija fil-mija tiegħi sabiex immur aħjar. Sa ċertu punt irnexxieli u ninsab ferm kuntent li wettaqt dan il-pass.”
Cutajar jgħidilna li l-imħabba għall-vjolin bdiet sa minn meta kien żgħir. Missieru kien jieħdu f’ħafna kunċerti u fost l-oħrajn ra ħafna orkestri kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna.
“Madankollu fost il-ħafna strumenti li smajt u li rajt, il-vjolin kien l-iktar wieħed li saħħarni. Mal-ewwel kelli grazzja miegħu u tlabt lil missieri sabiex jixtrili wieħed. Hu xtaq ħafna li navvanza f’dan il-qasam u għalhekk nista’ ngħid li kkuntentani kif seta’.”
Cutajar kellu ċ-ċans jagħmel xi eżibizzjonijiet f’Londra u kien hawn fejn stqarr kemm tgħallem f’din il-belt li sejħilha bħala l-benniena tal-mużika fl-Ewropa. Id-diversi musicals li ra u anke d-diskussjonijiet li kellu ma’ diversi artisti għenuh sabiex jesperjenza fl-ewwel persuna l-ħajja ta’ mużiċista professjonali.
Fil-fatt, dan ir-rebbieħ tal-programm Brillanti ħa pass partikolari hekk kif qed jaħdem fuq bażi full-time f’dan il-qasam.
“Meta int taħdem f’dan il-qasam b’mod full-time, bla dubju li tista’ timraħ f’ħafna ġeneri partikolari. Jien għamilt dan u aktar ma tesperimenta, aktar tista’ ttejjeb il-ħiliet tiegħek f’dan il-qasam.
Samuel Cutajar jgħid li l-qasam tal-mużika f’Malta qed jitjieb ħafna u d-diversi inizjattivi li qed isiru lokalment qed jgħinu għal iktar livell għoli.
Hu jsemmi li l-mużika tgħinek ħafna fil-ħajja ta’ kuljum u jqisu parti importanti mill-identità tiegħu.
“Il-mużika tista’ ssibha kullimkien u tgħinek bl-aqwa mod possibbli f’kull burdata li jkollok.”
Iżda li kieku kellu jerġa’ sehem fil-programm Brillanti, jaħsibha jew le?
“Bla dubju li nixtieq nerġa’ nieħu sehem għax kienet esperjenza ferm sabiħa.”
Hu faħħar l-organizzaturi ta’ dan il-programm li għamlu kollox bir-reqqa u għalhekk ħareġ ir-riżultat finali.
Samuel Cutajar qed jara futur mimli mużika fejn se jkompli jesperimenta fuq diversi stili meta tqis li jdoqq strument li hu ferm versatili.
Finalment l-aħħar messaġġ ta’ Cutajar lit-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li jixtiequ jaqbdu karriera fil-mużika.
“Il-mużika ttik burdata sabiħa u ttik ħafna sodisfazzjon. Meta int tipprattika l-mużika, żgur li se tħossok aħjar.”