Ix-xena xokkanti tas-suq tal-Milied fil-belt ta’ Magdeburg fil-Ġermanja, wara li tabib mis-Sawdi Għarabja li jaħdem fil-qrib saq karozza ġol-folla miġbura tieħu gost bil-festi, tqajjem mistoqsijiet u ansjetajiet kbar. Dwar l-impatt tar-refuġjati u tal-immigranti fuq il-popolazzjonijiet fejn jaslu. Kif ukoll dwar l-impatt tal-istess popolazzjonijiet u d-drawwiet tagħhom fuq dawk li jaslu biex jgħixu magħhom minn soċjetajiet imbiegħda ħafna, bid-drawwiet differenti ħafna tagħhom.
Sakemm qed nikteb din, kien għadu mhux magħruf eżatt għaliex twettaq id-delitt. Ma jidhirx li seta’ kien “ispirat” mill-ġiħadiżmu Iżlamiku. Il-qattiel (li ħarab mis-Sawdi) dejjem ċaħdu għal kollox u kkundannah.
Tqum għalhekk il-possibbiltà li fin-nofs daħlet ukoll l-għafsa ta’ problemi mentali. Li tinqala’ minn pajjiżek u tispiċċa tgħix, ta’ spiss waħdek, f’kundizzjonijiet differenti ħafna minn dawk li kont imdorri fihom (ħbiberiji u familja, ikel u drawwiet soċjali, klima, reliġjon fost oħrajn) jispiċċaw ipoġġu probemi psikiċi enormi fuq ir-refuġjat jew immigrant.
***
TAMA
Il-Knisja Kattolika fix-xhur li ġejjin se tkun għaddejja, kollha kemm hi, bi programm ta’ ħidma ppernjat fuq il-kunċett tat-“Tama”. Veru li fil-każ tal-Kattoliċi, dak li jifhmu b’“tama” jikkonċerna l-aktar l-aspettattiv li dak li twiegħed minn Kristu bħala rappreżentant u membru tat-Trinità jitwettaq. (Qed inkun spiċċattiv.)
It-tama bħala kwalità meħtieġa ma tissemmiex biss fil-qasam reliġjuż. Intużat anke fil-qasam politiku. L-eks President Amerikan Obama għamilha waħda mis-slogans tiegħu li kisiblu suċċess kbir bħala sinjal ta’ fejn ried iwassal l-Istati Uniti fi żmienu.
Personalment, bħala mira, ma tantx għandi fiduċja fiha, talanqas ejja ngħidu fil-qasam politiku. Naraha tentazzjoni biex minflok titmexxa ħidma determinata ħalli jinbidlu l-affarijiet, dawn jitħallew jiżviluppaw skont kif ikunu sejrin bit-“tama” li daqt jieħdu l-iskoss li jwassalhom biex jinbidlu waħidhom. Żgur ma nistax naqbel ma’ “tama” ta’ dat-tip.
***
KAPILLARI
F’komunità ċkejkna bħal tagħna, l-attiviżmu politiku jrid ukoll ikun kapillari, permezz ta’ kuntatti personali li jsiru b’mod ħaj, attiv, l-aħjar wiċċ’imb’wiċċ. Dan ma jfissirx li l-mezzi moderni tal-internet u oħrajn ma jridux jitħaddmu skont kull ma jistgħu jagħtu, biex partit politiku jibqa’ f’kuntatt mal-votanti.
Imma (kif naraha jien) il-kuntatt personali ma jistax jitwarrab. Veru li jġib miegħu ċerti perikoli… bħall-pressjonijiet klijentelistiċi qawwija, li jistgħu jwasslu sal-korruzzjoni. Kif ukoll għan-nepotiżmu u għall-klikkek, fost dnubiet oħra.
Imma partit politiku jrid ikollu “on the ground” kif jgħidu bl-Ingliż, ir-rappreżentanti tiegħu li regolarment jiltaqgħu u jiddiskutu mal-kostitwenti. Din li l-politikanti għandhom iħallu dawn il-kuntatti f’idejn xi uffiċċju tal-“customer care” hi ħrafa li għad tiswa bl-ikrah lil min iħaddimha.