Qorti fil-Kenja kkundannat żewġt irġiel għal 35 sena kull wieħed għall-qtil tal-atleta Ugandan, Benjamin Kiplagat, fl-aħħar tas-sena li għaddiet.
Li steeplechaser Olimpiku nqatel b’daqqiet ta’ sikkina lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-belt ta’ Eldoret, magħrufa bħala l-aqwa ċentru tat-taħriġ għall-atleti.
“L-azzjonijiet tagħkom kienu krudili ma’ persuna bla difiża li ħajjitha intom qtajtu ħesrem,” qal l-Imħallef, Reuben Nyakundi, lil Peter Ushuru Khalumi u lil David Ekai Lokere waqt is-seduta tas-sentenza fil-Qorti Għolja, f’Eldoret.
Il-qtil ta’ Kiplagat ħasad lill-poplu tal-Kenja, li ra il-qtil ta’ numru ta’ atleti oħra elite f’dawn l-aħħar snin.
L-Imħallef qal li Khalumi u Lokere kienu segwew lil Kiplagat, li kien fil-karozza tiegħu, u mbagħad filmati tas-CCTV wrew li intenzjonalment qatluh f’att premeditat. Il-motiv eżatt tal-qtil ma kienx ċar iżda fil-ħin tal-arrest il-pulizija kienet qalet li kienet serqa.
Nhar it-Tnejn, f’talba emozzjonali lill-qorti, omm l-atleta kienet talbet lill-Imħallef Nyakundi biex jagħti sentenza ta’ għomor il-ħabs.
Hija tkellmet dwar kif binha, li beda l-karriera tiegħu jiġri ħafi, ħadem ħafna biex isir atleta internazzjonali u jkun dak li jaqla’ l-għixien għall-familja, irrapportat il-media Kenjana.
“Ibni kellu 8,000 xelin [Kenjan] ($62; £48) u mowbajl għali, iżda l-qattiela ma ħadu l-ebda proprjetà mingħandu. Il-missjoni tagħhom kienet li jeħilsu minnu bi tbatija,” ġiet kkwotata omm l-atleta.
Minkejja li ma laqgħux it-talba tal-familja għal sentenza ta’ għomor il-ħabs, qalu li kienu kuntenti bir-riżultat u li saret ġustizzja.
Kiplagat, li meta miet kellu 34 sena, wasal sal-finali tat-3,000m steeplechase fl-Olimpjadi ta’ Beijing fl-2008. Huwa kkompeta wkoll fiż-żewġ Logħob ta’ wara u huwa d-detentur tar-rekord tal-Uganda fl-avveniment.