F’dawn l-aħħar snin, l-ekonomija Maltija kompliet tespandi sew tant li f’xi drabi kibret iktar mill-pajjiżi l-oħra kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan it-tkabbir ekonomiku kien rifless ukoll fiż-żieda bla preċedent ta’ impjiegi ġodda u oħrajn. Fil-fatt f’dawn is-snin, rajna wkoll mobilità ta’ ħaddiema li jibdlu l-impjieg tagħhom. Dan fil-kuntest li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
Iżda, dawn il-kisbiet fil-qasam tal-impjiegi ma waqgħux waħedhom mis-sema. Xejn ma jsir mix-xejn jew b’kumbinazzjoni. Imma kollox sar bi pjan u strateġija f’lokha li wasslu għas-suċċess.
Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) urew li f’Ġunju li għadda, l-qgħad niżel fl-inqas livell storiku tiegħu. Tant li llum dawk li għadhom ifittxu impjieg niżel sew taħt l-1,000. Dan huwa rifless kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, u fil-gruppi kollha ta’ età. Din is-sitwazzjoni taż-żieda fl-impjiegi għenet biex jonqsu dawk dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali.
Ħadd ma jista jiċħad illum li l-avvanzi kbar ekonomiċi u soċjali kollha li laħaq pajjiżna nkisbu sforz ħidma sfiqa li kienet ibbażata fuq numru bla preċedent ta’ inċentivi fiskali li l-għan tagħhom kien imsejjes fuq il-ġustizzja soċjali; fuq il-ġlieda kontra l-faqar li tirriżulta min-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol u mpjieg għall-ħaddiema.
Fil-fehma tagħna, is-settur tal-impjiegi wera l-għaqal tal-Gvern Laburista li jinċentiva lin-negozji u anke lill-ħaddiema kif għamel waqt il-pandemija tal-Covid-19. Hawn ta’ min jinnota li minkejja din iż-żieda fl-impjiegi, għad għandna sitwazzjonijiet fejn ħaddiema għadhom sfruttati b’pagi miżeri.
Għaldaqstant nemmnu li biex jinqered ix-xogħol prekarju, dawn is-sitwazzjonijiet għandhom jiġu indirizzati flimkien bejn il-unjins u min iħaddem. Dan ninsistuh għaliex f’dinja ta’ xogħol ġdida li qed nesperjenzaw, huwa importanti li ħadd ma jitħalla lura. Dan jista’ jsir biss jekk l-impjiegi joffru ħajja diċenti.