Ir-rata tal-qgħad f’pajjiżna għax-xahar ta’ Mejju li għadda hija dik ta’ 2.8%. Dan ifisser li s-sitwazzjoni baqgħet pjuttost stabbli, bi tnaqqis ta’ 0.1% meta mqabbel max-xahar t’April, u tnaqqis ta’ 0.3% fuq ir-rata ta’ Mejju tas-sena l-oħra.
Din l-informazzjoni ngħatat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (l-NSO).
F’Mejju ta’ din is-sena kien hemm 8,332 persuna jfittxu l-impjieg, bl-ikbar grupp ta’ individwi jkunu dawk fl-età bejn il-25 u l-74 sena b’6,173 persuna tfittex ix-xogħol, filwaqt li l-kumplament kienu żgħażagħ bejn il-15 u l-24 sena.
Fl-istess xahar, kien hemm differenza ta’ 0.5% bejn il-qgħad fost in-nisa għal dak tal-irġiel: filwaqt li 2.5% tan-nisa kienu qed jirreġistraw għall-impjieg, ir-rata fost l-irġiel kienet dik ta’ 3.0%.