Thursday, September 18, 2025

Il-Qorti għandha biss l-indirizzi fiżiċi ta’ tlieta minn lista ta’ 30 espert li ħadmu fuq l-inkjesta Vitals

Aqra wkoll

Il-Qorti għandha biss l-indirizzi fiżiċi ta’ tlieta minn lista ta’ tletin espert li ħadmu fuq l-inkjesta Vitals. Dan ħareġ ilbieraħ meta quddiem l-Imħallef Edwina Grima kompla jinstema’ l-każ relatat ma’ ordni ta’ ffriżar tal-assi ta’ numru ta’ akkużati.

“Ma nagħmilx mirakli”

L-Imħallef Grima kienet ippreżentata b’lista fejn jidhru l-ismijet tal-esperti imqabbda mill-Maġistrat Gabriella Vella u ħdejhom kien hemm indirizzi fejn suppost jista’ jsir kuntatt magħhom. L-Avukat Vince Galea li qed jidher f’isem l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ġibed l-attenzjoni li indirizzi fiżiċi hemm biss tlieta minn lista ta’ tletin espert, waqt li għall-bqija hemm biss indirizzi elettroniċi. L-Avukat Galea staqsa kif il-Qorti m’għandhiex indirizzi fiżiċi ta’ kulħadd u staqsa x’se jiġri jekk l-esperti biddlu l-indirizzi elettroniċi.

L-Imħallef Grima wieġbet li hija ma tistax tagħmel mirakli. L-Avukat Galea esprima l-frustrazzjoni tiegħu u tal-Avukati l-oħra kollha tad-difiża li jridu jeżaminaw lill-esperti iżda mbagħad il-Qorti ma tkunx tista’ tagħmel kuntatt magħhom.

L-Imħallef wieġbet li hija ma tistax tmur tfittex lill-esperti personalment. L-Avukat Galea rrimarka li l-indirizzi għandhom jigu pprovduti minn min ħatar lil dawn l-esperti li tħallsu €11-il miljun.

L-Imħallef Grima ordnat divjet fuq il-pubblikazzjoni mill-media tal-informazzjoni fil-lista li ġiet ippreżentata lilha. F’dan l-istadju l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali talab li jsir divjet fuq l-Avukati Difensuri sabiex ma jagħmlux kuntatt mal-esperti. Talba li ġabet magħha reazzjoni iebsa ħafna mill-Avukati difensuri li wrew l-istgħaġib tagħhom li quddiem in-nuqqasijiet kbar li ħerġin mill-inkjesta tal-Maġistrat Vella, l-Avukat Generali spiċċa jagħmel talba bħal din.

Sadanittant fis-seduta tal-bieraħ żewġ esperti kkonfermaw li waqt li kienu qed jagħmlu x-xogħol tagħhom fuq l-inkjesta, fetħu kumpaniji biex jibdew jirċievu l-ħlas permezz tagħhom. Fi kliemhom dan sar għal raġunijiet ta’ ħlas ta’ taxxa.

L-espert Alan Heath qal li huwa beda jaħdem fl-inkjesta f’Jannar 2019 iżda ma ffirmax ir-rapport finali. L-espert qal illi kien involut f’madwar seba’ tfittxijiet li saru u wara ħareġ informazzjoni li deherlu li kienet pertinenti u għadda kollox lil Jeremy Harbinson. Meta l-Avukat Galea staqsih kif beda jaħdem fuq l-inkjesta fl-2019, meta huwa nħatar bħala espert b’digriet tal-Qorti fit-2 ta’ Settembru 2020, l-espert wieġeb biss li ma jiftakarx.

Heath qal li jemmen li kienet il-Maġistrat Gabriella Vella li ndikat min kienu l-persuni ta’ interess li kellha ssir tfittxija għandhom. Żied li l-esperti kellhom uffiċċju fil-Qorti iżda fl-istess ħin qal li ħafna mix-xogħol sar fl-Irlanda ta’ Fuq. Mistoqsi jekk tħallasx huwa personament jew jekk tħallsitx il-kumpanija tiegħu għax-xogħol fl-inkjesta, l-espert wieġeb li tħallset il-kumpanija tiegħu AH Training Solutions Ltd li twaqqfet fit-12 ta’ Ottubru 2021 waqt li l-inkjesta kienet għadha għaddejja. Mistoqsi għalxiex ġara dan, Heath wieġeb minnufih li minħabba skopijiet ta’ hlas ta’ taxxa.

Mistoqsi jekk huwa kellux involviment fid-deċiżjonijiet dwar l-ammonti ta’ flus iffriżati, Heath wieġeb li ma kienx involut u li dawn kienu deċiżi mill-esperti Jeremy Harbinson u Sam Sittlington. Mistoqsi jekk kienx isegwi l-media Maltija matul l-inkjesta l-espert wieġeb fin-negattiv iżda fl-istess ħin semma li dehret xi ħaġa fuqu fil-media lokali li qal li kienet inġusta.

L-espert David Wright ikkonferma li fil-bidu tal-inkjesta kien jitħallas b’mod personali iżda fl-1 ta’ Settembru 2021 skont huwa fuq parir tal-accountant, għal finijiet ta’ tassazzjoni, waqqaf il-kumpanija Kircon Fraud Management Ltd u beda jitħallas permezz ta’ din il-kumpanija li ġiet xolta s-sena li għaddiet wara li kienet ippubblikata l-inkjesta.

L-Avukat Franco Debono rrimarka illi b’kumbinazzjoni żewġ esperti li ġew nominati fil-vesti personali tħallsu permezz ta’ kumpaniji li twaqqfu waqt li l-istess esperti kienu għaddejjin bl-inkarigu tagħhom u li koinċidentalment twaqqfu fi ftit ġimgħat ’il bogħod minn xulxin. L-Avukat Debono saħaq li affarijiet bħal dawn iqajmu suspett. L-Avukat Galea qal li affarijiet bħal dawn qatt ma ġraw. 

Għal iktar mistoqsijiet l-espert ikkonferma illi talab ħlas għal xogħol li suppost dam tnejn u tletin siegħa, biex jagħmel analizi ta’ rapport li tħejja minn esperta oħra, Miroslava Milenovic. Mistoqsi f’hiex kien jinvolvi dan ix-xogħol, l-espert wieġeb illi ried jara jekk Milenovic sabitx xi ħaġa ġdida li ma kienx sab huwa. Irriżulta iżda li ma kien hemm xejn ġdid.

Kollox kien f’idejn Harbinson

David Wright ukoll qal li ma kienx involut fid-deċiżjonijiet dwar l-ammonti ta’ flus li kellhom jiġu ffriżati. Żied li waqt li kienet għaddejja l-inkjesta huwa żamm kuntatt ma’ Jeremy Harbinson li qal li kellu f’idejh il-koordinazzjoni tal-inkjesta kollha.

L-espert Gary Edgeworth li jaħdem mal-kumpanija Ansec AI qal li xogħlu kien li jiġbor l-informazzjoni minn apparat li kien jittieħed waqt it-tfittxijiet. Iżda qatt m’għamel analiżi tal-informazzjoni. Bil-kontra għadda kollox lil Jeremy Harbinson li kien huwa li għamel l-analiżi. Edgeworth ukoll qal li ma kellux x’jaqsam mad-deċiżjonijiet dwar l-ammonti ta’ flus li ġew iffriżati.

Għall-mistoqsijiet tal-Avukat Gianella DeMarco l-espert qal li huwa ma ffirmax ir-rapport finali ta’ Jeremy Harbinson, ma rax verżjoni finali tar-rapport u ma jafx x’ittieħed mill-informazzjoni li għadda huwa, għar-rapport finali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport