Wednesday, July 24, 2024

Il-Qorti ma ssibx sewwieq ħati fuq inċident li fih ittajret tfajla ta’ 18-il sena

Aqra wkoll

Christopher Mifsud ta’ 43 sena residenti l-Fgura, ma nstabx ħati li fl-24 ta’ Awwissu tal-2021, ikkaġuna ġrieħi gravi fuq tfajla ta’ 18-il sena wara li tajjarha waqt li kienet qed taqsam it-triq, f’San Ġiljan.

Fil-Qorti, xehed Pulizija li qal li meta mar fuq il-post, ra tfajla taħt vann. Aktar tard ġiet identifikata bħala Kolombjana, residenti s-Swieqi. Spjega kif minn stħarriġ irriżulta li hi kienet qed taqsam it-triq ftit ‘il fuq mill-kantuniera, minflok minn fuq zebra crossing.

Fil-Qorti xehdet ukoll il-vittma, li spjegat li dak il-ħin tal-inċident kienet sejra lura d-dar. Sostniet li ttajret minn vann u x-xufier prova jibqa’ jsuq, iżda kien hemm nies li qalulu li hemm mara taħtu.

Meta mistoqsija, il-vittma kkonfermat li ma qasmitx miż-zebra crossing iżda ħarset qabel qasmet it-triq. Hija argumentat li l-akkużat ken qed isuq b’veloċità qawwija u li meta bdiet taqsam, ix-xufier kompla jsuq.

Il-Qorti, ikkunsidrat li l-akkużat ma ingħatax id-drittijiet tiegħu li jkun assistit minn avukat meta ta l-verżjoni tiegħu lill-Pulizija.

Il-Qorti nnotat ukoll li l-Prosekuzzjoni ma ppreżentatx filmati tal-cameras tas-CCTV li juru kif seħħ eżattament l–inċident. Hija kkunsidrat il-fatt li mix-xhieda tal-Pulizija kif ukoll minn tal-vittma ġie kkonfermat li fil-viċin hemm zebra crossing iżda hi ma għamlitx użu minnha.

Il-Qorti qalet li l-inċident ġie kkaġunat mill-vittma għax ma qasmitx miż-zebra crossing u qasmet meta rat il-vann ġej. Għaldaqstant, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, ma sabitx lis-sewwieq ħati u illiberatu.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Charlotte Curmi.

Ekonomija

Sport