Friday, May 3, 2024

“L-isfida tat-tibdil fil-klima hi responsabbiltà kollettiva”

- Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Nemmen bis-sħiħ li l-indirizzar tat-tibdil fil-klima hi responsabilità kollettiva u mhux ta’ individwu wieħed. Hi r-responsabiltà tal-Gvern, trade unions, ħaddiema, settur privat, komunitajiet u NGOs. Il-mira li sal-2050 inkunu ħlisna mid-dijossidju tal-karbonju teħtieġ l-impenn ta’ kull ċittadin, negozju, istituzzjoni biex jittieħdu azzjonijiet sinjifikanti lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju.”

Iddikjara dan is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja f’intervent li għamel waqt konferenza bit-tema “ClimateON: Today’s Legacy”. Il-konferenza ġabret il-parteċipazzjoni ta’ stakeholders minn oqsma differenti fosthom akkademiċi, xjentisti, is-settur pubbliku, is-settur privat, l-imsieħba soċjali, żgħażagħ u għaqdiet.

Fir-rimarki tiegħu, Josef Bugeja enfasizza li issa huwa l-waqt li nieħdu azzjoni u li ma nistgħux nistennew aktar. Huwa ddeskriva l-ħolqien tal-Awtorità dwar it-Tibdil fil-Klima bħala pass importanti madanakollu jeħtieġ li dak li għandna nagħmlu, nagħmluh malajr.

“Kull persuna tista’ tagħmel differenza billi tadotta prattiċi sostenibbli fil-ħajja tagħha ta’ kuljum, bħat-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija, l-appoġġ ta’ inizjattivi għal enerġija rinovabbli u l-promozzjoni ta’ politiki favur l-ambjent,” kompla jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

“Billi nrawmu kultura ta’ amministrazzjoni ambjentali u ninkoraġġixxu parteċipazzjoni mifruxa, nistgħu naħdmu flimkien biex intaffu l-effetti tat-tibdil fil-klima u noħolqu futur aktar sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”

Is-Sur Bugeja qal ukoll li jemmen li l-irwol tal-Awtorità għandu jkun li sservi bħala direzzjoni għall-Ministeri kollha biex it-tibdil fil-klima jiġi integrat fis-setturi kollha tat-tfassil tal-politika tal-gvern, inkluż l-iżvilupp ekonomiku, l-ippjanar urban, l-agrikoltura u t-turiżmu.

Dan jiżgura li l-azzjoni klimatika tiġi integrata fl-aspetti kollha tal-governanza u t-teħid tad-deċiżjonijiet. Huwa tkellem ukoll dwar it-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ħadra u ekoloġika u sostna li din tista’ toħloq opportunitajiet ġodda għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi ġodda filwaqt li tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju.

Malta tista’ tappoġġja l-iżvilupp ta’ industriji ħodor bħall-enerġija rinnovabbli, it-turiżmu sostenibbli, u l-agrikoltura favur l-ambjent permezz ta’ inċentivi ta’ politika u investiment. Però enfasizza li jeħtieġ tranżizzjoni ġusta li ħadd ma jibqa’ lura.

“Flimkien nistgħu naslu però jeħtieġ li nibdew nieħdu azzjoni illum”
Is-Sur Bugeja qal li l-unjin qiegħda tipproponi pjan komprensiv u ħolistiku għal tranżizzjoni ġusta għall-ħaddiema, li tiżgura li l-bidla f’industriji ġodda u sostenibbli filwaqt li jissalvagwardjaw l-għajxien u d-dinjità tal-ħaddiema”.

“Nemmnu li għandna nipprijoritizzaw taħriġ għall-ħaddiema f’ħiliet godda u titjieb, imfassla għal rwoli ġodda li ser jinħolqu bħall-enerġija rinnovabbli, it-teknoloġija ekoloġika u l-konservazzjoni. Permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ unjins, gvernijiet u negozji, aħna rridu li f’din it-tranżizzjoni ħadd ma jaqa’ lura, tkun waħda inklużiva li tagħti s-setgħa lill-ħaddiema, ittaffi d-disparitajiet ekonomiċi, u twitti t-triq għal futur aktar ekwu u sostenibbli.”

Tenna jgħid li ż-żieda fl-għarfien pubbliku dwar l-impatti tat-tibdil fil-klima u l-importanza tal-azzjoni klimatika hija kruċjali. Għalhekk enfasizza fuq il-bżonn li jkun hemm kampanji edukattivi kontinwi mmirati lejn l-iskejjel, il-komunitajiet, in-negozji u l-ħaddiema dwar kif jistgħu jikkontribwixxu biex irawmu kultura ta’ sostenibbiltà u jinkoraġġixxu lill-individwi jadottaw prattiki li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. “Flimkien nistgħu naslu però jeħtieġ li nibdew nieħdu azzjoni illum,” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport