Imħallef ma laqax it-talba tal-BirdLife Malta biex jitwaqqaf l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-gamiema. Id-deċiżjoni ngħatat illum mill-Imħallef Giovanni Grixti, li ppresjeda l-Prim Awla tal-Qorti Ċivili.
F’Marzu li għadda, il-Kumitat Ornis kien irrakkomanda l-ftuħ tal-kaċċa fir-rebbiegħa kemm għall-gamiema kif ukoll għas-summien, b’limiti nazzjonali.
Wara din id-deċiżjoni, il-BirdLife Malta kienet ħadet lill-Gvern il-Qorti u talbet mandat ta’ inibizzjoni li jwaqqaf il-Gvern milli joħroġ l-avviż legali li effettivament jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa għall-gamiema.
B’reazzjoni fuq il-midja soċjali, il-Ministeru għal Għawdex laqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Qorti fejn il-mandat ta’ inibizzjoni li ressqet il-BirdLife Malta ma ġiex aċċettat.
Intqal li l-istaġun tal-kaċċa għall-gamiema jiftaħ mid-data tal-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali (aktar tard illum) sat-30 ta’ April, minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar, bi kwota nazzjonali ta’ 1,500 gamiema. M’hemmx kwoti individwali.
Kull gamiema li tiġi kkaċċjata għandha tiġi rrappurtata immedjatament u kull min joħroġ għall-kaċċa u ma jaqbad xejn għandu jirrapporta l-hunting effort, kif spjegat fil-Liċenzja Speċjali.
Il-Ministeru għal Għawdex fakkar li mhu se jiġi ttollerat l-ebda abbuż, liema abbuż jista’ jwassal biex ikun hemm konsegwenzi fuq din il-prattika.