Friday, April 26, 2024

“Kun int li tagħmel id-differenza f’ħajjet il-pazjenti għax qatra demm għalihom hi simbolu ta’ tama lejn il-fejqan”

Claudine Muscat

Aqra wkoll

Claudine Muscat għandha l-kundizzjoni tat-talassemija, li hija kundizzjoni tad-demm li taffettwa ċ-ċelloli l-ħomor tad-demm għax il-ġisem ma jkunx qed jipproduċi biżżejjed mill-proteina li nsibu f’din iċ-ċellola. Tokkupa l-irwol ta’ Senior Manager fi ħdan l-uffiċju tas-Segretarju Permanenti għall-Edukazzjoni u għandha mħabba kbira lejn l-Inter, l-edukazzjoni u x-xjenza.

Iddeskrivi t-tfulija tiegħek

Meta nitkellem dwar tfuliti, l-ewwel stampa li tiġini f’moħħi hija l-memorja tiegħi nilgħab fl-għelieqi tal-Imġarr flimkien m’oħti u n-nanniet għeżież tiegħi. Kienu mumenti tassew speċjali u li tgħix viċin tan-natura, tgħinek tapprezza l-valur tal-umiltá lil hinn mill-materjaliżmu. Meta nħares lejn ritratti tiegħi ta’ ċkuniti, nara tifla ferriħija, imqarba, determinata, kuraġġuża u bi spirtu t’avventura. Kont ukoll enerġetika u nħobb l-isport, infatti kont nitħarreġ fit-tennis. Żgur li ma kien jgħaddi minn moħħ xi ħadd li dik l-istess tifla kienet diġá qed taffaċċja sfidi kbar fl-etá żgħira tagħha. Iddaħħalt l-isptar għall-ewwel darba meta kelli biss sena, fejn hemmhekk skoprew li kelli kundizzjoni. Ta’ seba’ snin kont diġá bdejt nirċievi l-ewwel trattamenti fl-isptar. Minkejja dawn il-fatti, inħossni kuntenta li l-elementi tat-tfulija ma ntilfu qatt u sawruni fil-persuna li jien illum il-ġurnata.

U l-kundizzjoni tiegħek…

It-talassemija hija kundizzjoni tad-demm li taffettwa ċ-ċelloli l-ħomor tad-demm għax il-ġisem ma jkunx qed jipproduċi biżżejjed mill-proteina li nsibu f’din iċ-ċellola. B’kawza ta’ dan, id-demm ikun baxx u jkunu meħtieġa trasfużjonijiet tad-demm biex il-livelli jiġu normali. Minħabba li fil-preżent, ma teżistix kura ghal din il-kundizzjoni, it-trasfużjoni tad-demm trid issir għal dejjem matul il-ħajja tal-pazjent. Fil-każ tiegħi nirċievi medja ta’ tlieta jew erba’ boroż demm kull ħames ġimgħat, iżda meta kont iżgħar kont nircievi aktar ta’ spiss (kull tliet ġimgħat) biex isostni l-iżvilupp tiegħi.

Il-kundizzjoni ġġib magħha kumplikazzjonijiet oħra, bħal li l-ġisem ma jneħħix il-ħadid iżżejjed u b’hekk ikun hemm bzonn ta’ trattament ieħor biex jitneħħa dan il-ħadid żejjed li ma jkunx ta’ ġid għall-ġisem. Għamilt madwar 15-il sena nirċievi trattament għal dan permezz ta’ magna li kont norqod biha għax kien jieħu madwar għaxar sigħat. Grazzi għall-avvanzi fix-xjenza, illum il-ġurnata qed nieħu pillola li kienet ta’ bidla kbira f’ħajti.

X’kien is-sigriet biex tgħallimt tgħix biha u tkun mara ta’ suċċess minn kull lat?

Ma nemminx li hemm sigriet wieħed, iżda aktar huwa r-rizultat ta’ diversi aspetti mill-ħajja li għext fihom, inkluż l-ambjent tal-familja li trabbejt fih, li sawru dak li jien illum il-ġurnata. Minkejja dan, nemmen ukoll li l-kundizzjoni nnifisha tibqa’ l-qofol tal-valuri bażiċi li tlajt bihom, għaliex meta tiltaqa’ mat-tbatija minn etá żgħira, titgħallem tapprezza aktar dak kollu li hemm fik u madwarek.

Il-motto ta’ ħajti sawwarni f’dak li jien illum, jiġifieri li l-kundizzjoni tiegħi ma tistax tikkundizzjonali ħajti. Minkejja dak kollu li għaddejt minnu, inħossni grata li dejjem kien hemm it-tama li nkompli għaddejja b’ħajti normali, għaliex kont qed nirċievi t-trattament li kelli bżonn b’mod regolari, u li minkejja dan mhuwiex pjaċevoli, xorta waħda nħossni pożittiva dwaru, għax qed iżommni ngħix biex inwettaq il-ħolm tiegħi.

Semmejt lill-familja tiegħi – kienu dejjem ta’ spalla għalija, rabbewni b’għożża kbira u għadni nsibhom miegħi sal-lum il-ġurnata, minkejja li kbirt. Ommi u missieri dejjem ħarsu lejja bħala persuna li nista’ nirnexxi fil-ħajja, u din l-imħabba tagħhom lejja ġiet riflessa fija. Qatt ma qtajt qalbi milli nasal! Għalkemm kont nitlef l-iskola ta’ spiss minħabba li kelli bżonn immur l-isptar, il-ġenituri tiegħi dejjem inkoraġġewni li hekk kif nasal lura d-dar, nagħmel ix-xogħol tal-iskola li nkun tlift sabiex l-għada mmur ippreparata u ma naqax lura. Hekk jien tgħallimt naffaċċja l-kundizzjoni tiegħi u mhux nużaha bħala skuża – kieku għamilt hekk nemmen li ma kontx nasal fejn wasalt illum.

Int ukoll għalliema tax-xjenza fl-Esplora. Agħtina iktar dettalji.

Jiena gradwata bħala edukatriċi tax-xjenza bi speċjalizzazzjoni fil-fiżika, fejn qattajt erba’ snin ngħallem dawn is-suġġetti fi skola sekondarja tas-subien. Minn hemm kont imxejt biex naħdem fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, Esplora, bħala komunikatur tax-xjenza fejn kont nipprezenta xows interattivi b’esperimenti live tax-xjenza, kif ukoll sessjonijiet ta’ workshops għall-viżitaturi. Wieħed mill-akbar sodisfazzjonijiet jibqa’ l-fatt li kont parti mill-ewwel tim li ħadem fiċ-Ċentru Esplora, li huwa mmexxi mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknologija (MCST), u nħossni grata li ppreżentajt jien l-ewwel xow tax-xjenza li offra dan iċ-ċentru lura fl-2016. Kien minn dan il-punt li bqajt nimraħ ‘il quddiem fil-karriera tiegħi, fejn anke okkupajt karigi oħra fl-istess entitá. Ksibt ukoll Masters fl-Amministrazzjoni tan-Negozju (MBA) u ninsab fl-aħħar fażi biex inlesti Masters fil-Komunikazzjoni tax-Xjenza u l-Innovazzjoni. Wara ħidma ta’ seba’ snin fl-Esplora u l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknologija, illum il-ġurnata, qed nokkupa l-irwol ta’ Senior Manager fi ħdan l-uffiċju tas-Segretarju Permanenti għall-Edukazzjoni. L-edukazzjoni huwa settur għal qalbi ħafna għax aħna l-edukaturi għandna rwol importanti fit-tfassil tal-individwu u l-futur tal-pajjiż. Nirrikonoxxi l-importanza ta’ dan is-settur sabiex inkomplu nkattru l-potenzjal li hemm f’kull individwu u jirċievu s-sapport meħtieġ fejn kull ċittadin għandu responsabbiltá kbira f’din il-missjoni.

U għandek ukoll imħabba kbir lejn l-Inter. X’tikkummenta?

L-Inter kienu parti kbira minn ħajti sa minn ċkuniti u l-imħabba lejn it-tim nibtet minn ommi għax minn dejjem kienet issegwi l-partiti tagħhom. L-Inter hija l-pont li tgħaqqad lili ma’ tfuliti għaliex l-imħabba tiegħi lejn dan it-tim baqgħet fija anke meta kbirt. Niftakarni ta’ seba’ snin iffissata fuq Ronaldo (il-Brażiljan) u nifraħ meta kien jiskorja l-gowls. Imbagħad kien ingħaqad mat-tim ukoll l-attakkant Christian Vieri li wkoll kien sar idolu tiegħi. Bħala tifla kont nassoċja ruħi hafna mal-Inter għax kont nirrelata l-battalja tiegħi kontra l-kundizzjoni mal-isforzi tat-tim biex jirbaħ. Kien grazzi għall-Inter ukoll li bdejt noħroġ minn qoxorti għax kont persuna mistħija ħafna iżda kont nitkellem għalkemm kienu jinkuni xi ftit bihom meta nkunu tlifna xi logħba, bħalma kienu l-għalliema tas-sekondarja tiegħi.

Ta’ 16-il sena, xtaqt li naghti kontribut dirett fi ħdan is-soċjetá tal-Inter u kont dħalt għall-ewwel darba fil-kumitat tal-klabb tal-Inter f’Malta. Għadni naħdem fi ħdan id-dinja tal-Inter Club sal-ġurnata tal-lum, fuq bażi volontarja, u napprezza r-relazzjonijiet pożittivi li bnejt minn din l-esperjenza, speċjalment mal-kordinaturi fl-Italja li jwettqu xogħol kbir rigward opportunitajiet għall-partitarji Interisti.

Eżempju ta’ din, kienet l-esperjenza riċenti fejn dħalna fis-sala tat-trofej fil-kwartieri tal-Inter. Bħala klabb naħdmu wkoll biex inġibu opportunitajiet għall-membri lokali, fosthom attivitajiet ma’ leġġendarji tat-tim bħal Javier Zanetti u Giuseppe Bergomi.

Meta nsiefer qalbi dejjem teħodni f’Milano, sena wara oħra, għax hemm nista’ nara mill-qrib lit-tim favorit tiegħi. Kull sena naċċerta ruħi li ma nitlifx il-logħba tad-derby Inter vs Milan. Bi tbissima ngħid li qatt ma rajt lil Inter jitilfu f’San Siro meta segwejt din il-partita. Segwejt lill-Inter mill-qrib anke f’okkażjonijiet oħra, fosthom logħbiet taċ-Champions League anke barra mill-Italja. L-atmosfera fil-grawnd tal-Inter hi eċċitanti u diffiċli tiddeskriviha għax trid tkun preżenti hemm biex tħoss l-emozzjoni li kull partita toffri. Ma nistax ma nsemmix kemm kont fis-seba’ sema meta l-Inter żaruna hawn fostna f’Malta, għax din kienet bla dubju l-ħolma ta’ ħafna Maltin li nsegwu lit-tim tagħna daqshekk mill-viċin.

Kif tarak minn hawn u 10 snin oħra?

M’inix persuna li nħobb inħares fit-tul sabiex dejjem niffoka fuq il-preżent. Bla dubju ambizzjonijiet għall-futur għandi, bħal li nkompli navvanza fl-istudji tiegħi f’livelli ogħla, iżda nieħu kollox pass pass. L-akbar xewqa tiegħi hi li fl-għaxar snin li ġejjin, inkun għadni mdawra bl-imħabba tal-familja tiegħi, ghax huma tassew speċjali f’ħajti!

Agħmel appell finali biex wieħed jibda jagħti d-demm

Nammira lil kull persuna li uriet xewqa li tkun donatur tad-demm għax dan qed tagħmlu b’volontá u b’imħabba – minn qalbi ngħidilkom grazzi li kontu parti minn ħajti u intom tassew l-eroj. Bid-donazzjoni tiegħek, qed ngħix ħajja normali u ta’ dan tassew grata. L-appell tiegħi jmur għal dawk l-individwi li huma b’saħħithom u jistgħu jagħtu donazzjoni tad-demm li għal xi raġuni jew oħra jkunu għadhom m’ għamlux l-ewwel pass tagħhom. Fiċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm se ssibu professjonisti li jagħtukom il-gwida neċessarja, u s-sapport meħtieġ biex tħossukom komdi waqt il-proċess tal-għoti tad-demm. Id-domanda fl-isptarijiet hi tassew kbira u t-trattamenti li huma meħtieġa kuljum tassew jiddependu fuq id-disponibbiltá mmedjat tad-demm. Jien waħdi niġi bżonn medja ta’ 50 borża demm f’sena biex inkompli b’ħajti bla tfixkil. Bħali hemm oħrajn u aktar. B’hekk, kun int li tagħmel id-differenza f’ħajjet il-pazjenti, għax qatra demm għalihom hi simbolu ta’ tama lejn il-fejqan u biex jgħixu ħajja normali. F’isem il-pazjenti kollha, ngħidilkom grazzi mill-qalb tal-għotja tagħkom!

Sport