Friday, December 13, 2024

Il-Qorti ma tippermettix ir-rapportaġġ tax-xhieda ta’ tim ta’ psikjatri li analizzaw lil Melvin Theuma

Aqra wkoll

Il-Qorti llum iddeċidiet biex ma jkunx hemm rapportaġġ tax-xhieda ta’ tim ta’ psikjatri li kienu appuntati biex janalizzaw l-istat mentali ta’ Melvin Theuma, il-middleman involut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li kienet qed tieħu d-deċiżjoni biex tipproteġi ħajjet il-persuni li qed jiġu analizzati.

Theuma nstab f’kundizzjoni kritika b’feriti ta’ sikkina fid-dar tiegħu fis-Swieqi f’Lulju li għadda. Huwa kien irċieva l-maħfra presidenzjali biex jiżvela dak kollu li jaf dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, madankollu ilu minn meta seħħ l-inċident ma jagħti x-xhieda tiegħu.

Fix-xhieda li kien ta, Theuma qal li kien irċieva flus mingħand in-negozjant Yorgent Fenech biex jgħaddihom lit-tliet persuni li kellhom joqtlu lil Caruana Galizia.

Id-deċiżjoni biex ix-xhieda tal-psikjatri ma tkunx rapportata ttieħdet waqt li kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda b’rabta mal-każ kontra Fenech, li qed ikun akkużat b’involviment fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Tul is-seduta l-espert tal-Qorti Alvin Cardona ppreżenta informazzjoni tal-Europol, li d-Difiża kien għamlet l-objezzjonijiet tagħha dwarhom f’sessjoni preċedenti. Din l-informazzjoni mistennija li tingħadda wkoll lill-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.

Cardona qal ukoll li t-talba tiegħu biex jagħmel kopja tad-data li tinsab fuq laptop ta’ Theuma u tal-qraba tiegħu ġiet rifjutata. Il-laptop huwa parti minn inkjesta kontra l-ħasil tal-flus li qed titmexxa mill-maġistrat Gabriella Vella.

Intant Kenneth Camilleri mill-Asset Recovery Bureau wkoll ippreżenta data u rapporti lill-Qorti.

Ekonomija

Sport