Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, approvat il-proġett tal-Grupp DB f’Pembroke b’investiment ta’ €250 miljun.
Din il-Qorti ċaħdet l-appell li sar minn għaqdiet mhux governattivi, li kienu talbu sabiex tħassar il-ħruġ tal-permess mill-Awtorità tal-Ippjanar. F’sentenza li ngħatat l-Erbgħa filgħodu, il-Qorti tal-Appell ikkonfermat l-validità tal-permess maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-periti tal-proġett kienu sostnew li l-pjanti l-ġodda ta’ dan il-bini se jkun qiegħed inaqqas l-impatt negattiv, li se jkun qiegħed joffri spazji pubbliċi u li se jinbena b’tali mod li jkollu inqas sulari.
Il-grupp DB ressaq pjanti ġodda, li fihom kien hemm diversi tibdil, fosthom tnaqqis ta’ 57 fil-mija fl-għoli tal-binjiet residenzjali. Huma qalu li b’hekk torri minnhom se jkun ta’ 17-il sular u torri l-ieħor se jkun sular iktar għoli. Il-grupp DB qalu wkoll li l-lukanda se tkun 27 metru iktar baxxi mill-pjanti oriġinali. Diversi żviluppaturi qalu li dan ifisser tnaqqis ta’ aktar minn 5,000 trakk ta’ skavar u tnaqqis ta’ 30% fil-parkeġġ.
Mill-applikazzjoni l-ġdida kien tneħħa wkoll il-kumpless tal-casino u żdiedu l-ispazji pubbliċi filwaqt li l-barracks, substation ta’ żmien il-gwerra bierda u ġibjuni tal-ilma ġew integrati fil-pjanti l-ġodda.
B’reazzjoni, kelliema għall-Grupp DB laqgħu d-deċiżjoni tal-qorti li qalu ġġib fi tmiemhom 8 snin ta’ skrutinju minn bosta qrati, tribunali u awtoritajiet. Qalu li dan kien wieħed mill-aktar proġetti skrutinizzati fl-istorja lokali u fl-aħħar ħarġet il-verità kollha. Qalu li qegħdin iħarsu ’l quddiem biex jimplimentaw proġett ta’ klassi dinjija.